Is-sagrifiċji fil-Partit Nazzjonalista u l-impjieġ ta’ familjari mal-Medialink.

Minn Osservatur politiku

Bernard Grech ilu xhur jitlob is-sagrifiċċji mill-ħaddiema ta’ MediaLink. Sikwiet toħroġ l-aħbar li min jispiċċa mix-xogħol mhux qed jiġi mibdul imma l-ħaddiema l-oħrajn ikollhom jagħmlu tajjeb għalih għas-sempliċi raġuni li mhux qed jiġi mpjegat ħadd meta xi ħadd jieqaf mix-xogħol. Imma issa nsiru nafu li daħal jaħdem ħaddiem ġdid fuq bażi full-time. Insiru nafu wkoll li kumbinazzjoni dan jiġi n-neputi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Mela f’daqqa waħda instab li hemm bżonn ta’ xi ħadd ġdid biex jaħdem l-istamperija. Ma tantx tista’ tkun emmnut meta tgħid li impjegajt lil xi ħadd, imma ma kontx taf li jiġi n-neputi tal-Kap. Ma tantx tkun emmnut għas-sempliċi raġuni li dan l-istess persuna kien ilu jaħdem mal-kumpanija fuq bażi part-time għal numru ta’ xhur.

Imma Bernard Grech fil-waqt li jitlob is-sagrifiċċji mill-ħaddiema tiegħu, daħħal persuna ġdida mal-istess kumpanija meta hemm problemi kbar ta’ finanzi. Imma għal Dr Grech din ma fiha xejn ħażin li mpjega lin-neputi. Fil-fatt waqt li kien qed jiġi ntervistat, hu stess staqsa lill-ġurnalist, x’hemm ħażin li ġie mpjegat in-neputi?

Ma tistax tlum lill-ħaddiema fid-Dar Ċentrali meta jirrealizzaw li daħal full-timer meta huma qed jintalbu jissaportu. Ftit tifhem il-mossa ta’ Bernard Grech meta eżatt wara l-elezzjoni ġenerali hu ħabbar li kien hemm miljuni ta’ Euro dejn fil-medja tal-Partit. Niftakruh jgħid li s-sagrifiċċju li ser jagħmlu l-ħaddiema qed jagħmluh għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Imma għalkemm tkun lest li taħdem għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista, xorta ma tkunx lest li tagħmel is-sagrifiċċju u ma tieħu ebda żieda għall-impjieg tiegħek, biex jidħol jaħdem mal-istess kumpanija n-neputi tal-Kap tal-partit. Min-naħa tiegħu għal din il-kritika, Bernard Grech wieġeb hemm lill-ġurnalist li

Kull min huwa kapaċi jista’ jaħdem ma’ Gvern Nazzjonalista.

Ejja ngħiduha ċara li hawn mhux qed nitkellmu fuq gvern imma fuq il-Partit Nazzjonalista. Il-PN għadu mhux fil-gvern. Imma hawn qedha l-problema. Dan il-gvern ġie kkritika li daħħal ħafna nies jaħdmu miegħu u niskopri li dawn huma Laburisti li ġejjin mid-distretti tal-ministri li taħthom taqa’ l-aġenzija li nies mid-distrett tagħhom iddaħħlu jaħdmu fiha.

Anki jekk verament kien hemm bżonn ta’ din il-persuna, dawn huma l-azzjonijiet li dgħajfu u mhux isaħħu lill-oppożizzjoni u żgur li ma jgħajnux lill-kap tal-Partit Nazzjonalista jibni l-immaġini tiegħu ta’ prim ministru in waiting.

Huma dawn l-affarijiet li qed iwasslu biex il-Partit Nazzjonalista mhux qed javvanza b’tali mod li jkun jista’ jiġġieled għat-tmexxija tal-pajjiż. Hawn qed nitkellmu fuq persuna li daħlet taħdem mal-medja tal-Partit Nazzjonalista meta l-istess partit huwa mimli dejn.

Kif ser tfiehem lill-poplu, li jekk il-PN ikun fil-gvern, ser ikun kapaċi jsolvi d-dejn Nazzjonali li reġa’ sploda minħabba l-miżuri insensati li għamilna matul il-pandemija?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *