Il-bżonn ta’ partit politiku ġdid

Ilbieraħ, il-gazzetta Illum tatna fl-ewwel paġna tagħha stħarriġ li sar u qaltilna li “Il-poplu qed jixba’ 56% jridu partit ġdid”. Fi stħarriġ xjentifiku li għamlet Illum qed jirriżulta li hemm maġġoranza assoluta li jixtiequ jaraw jinbet partit politiku ġdid fil-pajjiż. Dan ovvju qed jgħiduh għax tilfu l-fiduċja tagħhom kemm fil-Partit Laburista kif ukoll fil-Partit Nazzjonalista.

Ħareġ ċar minn dan is-sondaġġ li l-elettorat qed jixba’ miż-żewġ partiti imma l-Partit Nazzjonalista għandu għal xix ikun inkwetat ħafna iżjed mill-Partit Laburista. Dan għaliex huwa għandu problema akbar mill-partit fil-gvern. Dan kif persentaġġ qawwi ta’ votanti Nazzjonalisti qed jindikaw li hemm bżonn ta’ partit ġdid.

Mela l-elettorat Nazzjonalista fil-qawwa tiegħu qed jibgħat jgħid li jinsab imdejjaq kif inhuma mexjin l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista. Dan diġa’ kien espress mill-voti mitfuha fl-elezzjoni ġenerali meta 60,000 ma ġabrux il-vot, ma vvutawx jew ħasru l-vot tagħhom.

Il-persentaġġ ta’ 56.4% li jixtiequ jaraw partit ġdid mhux numru żgħir. Dan jissinifika n-numru ta’ nies li waqgħu f’apatija lejn il-partit fil-gvern u l-partit fl-oppożizzjoni. L-akbar numru li wrew li jixtiequ partit ġdid huma dawk li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni.

Hawn ta’ min jemfasizza li l-iżjed li qalu li jippreferu partit ġdid kienu l-partitarji Nazzjonalisti. Dan ifisser li dawn iridu partit konservattiv għaliex kieku jridu xi partit liberali fuq xeħta xellugija kienu jmorru għall-Alternattiva jew jibqgħu fil-Partit Nazzjonalista. L-anqas iridu partit tal-Extreme Right għaliex kieku kienu jivvutaw lill-Patrijotti jew lill-partit ta’ Norman Lowell. Naħseb li ħafna Nazzjonalisti qed ifittxu partit ta’ ispirazzjoni Kristjana fuq il-mudell tad-Demokrazija Kristjana. Fuq kollox, ir-rebħa ta’ Giorgia Meloni ġewwa l-Italja qed tindika din ir-realta’ politika.

U dan huwa ta’ tħabbil ir-ras għall-Partit Nazzjonalista. 68.8% ta dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni, din id-darba qalu li jippreferu li jinħoloq partit ġdid. Dan huwa persentaġġ għoli ta’ Nazzjonalisti li tilfu l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista. Dan jikkompara ħażin ħafna meta issib li 38.5% li vvutaw lill-Partit Laburista qalu li jixtiequ jaraw partit ġdid.

F’dan is-sondaġġ għandna konferma ta’ dak li ppubblikat il-Malta Today meta tatna stħarriġ politiku ieħor li fih rajna li kemm Bernard Grech kif ukoll il-Partit Nazzjonalista jitilfu ħafna mill-perċentwali tagħhom.

Jekk ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali kien inkwetanti għall-Partit Nazzjonalista, dan l-istħarriġ tal-Malta Today u tal-Illum jindikaw telf akbar għal dan il-partit. Dawn is-sondaġġi jkomplu jagħtu doċċa kiesħa lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Ilha tinstema l-għajta li l-Partit Nazzjonalista għandu jinqasam għax inkella mhux ser jaqbad art.

Issa għandna sondaġġ xjentifiku li qed jagħti stampa ċara li l-elettorat irid jara partit ġdid biex forsi jerġa’ jibni l-fiduċja fil-politika Maltija. Imma l-votant Nazzjonalist huwa ħafna iżjed ħerqan li jara t-twelid ta’ dan il-partit ġdid.

Aktar dwar dawn is-sondaġġi ser ikun ippubblikat għada filgħodu fuq dan is-sit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *