Bernard Grech ferħan għax ħadd ma mar għand il-President
Minn osservatur politiku
Ilbieraħ, Bernard Grech tkellem ma’ Lovin Malta fejn stqarr li taħtu, ħadd mid-deputati ma mar jew qed imur għand il-President biex iwarrbu. Din ġabet rabja kbira fost numru ta’ partitarji Nazzjonalisti. Żgur li statement bħal dan ma jgħinx biex ikun hemm l-għaqda li tant jixtieq il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Hekk irid iġib ir-rispett, Dr Bernard Grech ma jistax jagħmel statements politiċi li bihom jinkuljuna lill-Kap ta’ qablu u jinsulenta lill-partitarji li kienu ma’ Adrian Delia. Il-ġerħa għadha friska u statement bħal dan juri li din il-ġerħa għadha ma ġietx imfejqa.
Possibbli Bernard Grech ma jirrejaliżżax li llum ħadd ma mar għand il-President għax dawk il-famużi ribelli ma jistgħux jaqgħu għan-nejk darbtejn? Bernard Grech jaf li Jason Azzopardi kien u għadu jaħdem biex iwaqqgħu. Imma l-ġurnalisti ma humiex jagħtu n-nar.
Ma tarax li mhux ser jagħmlu l-istess żball, imma mhux għax ma għandhomx għal xiex imma għaliex qed iħallu lil Bernard Grech jaqa’ waħdu. Ma jistgħux jieħdu l-istess azzjoni darbtejn jekk għandhom ftit rispett lejn il-Partit Nazzjonalista. Imma mbagħad, il-PN mhu qed isib lill-ħadd. L-anqas sab kandidati biex joħorġu għall-viċi-kap u spiċċa b’viċi-kap li l-anqas huma membru parlamentari. Din hija l-ewwel darba li ġrat fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.
Jekk Bernard Grech qed jimmaġina li għandu l-grupp parlamentari magħqud warajh għandu żball kbir. Dan hu jafu sew. Imma jrid joqgħod attent aktar illum mill-bieraħ.
L-uniku konsolazzjoni li għandu Bernard Grech, u li kontinwament isemmiha, hija li l-grupp parlamentari rriġenera ruħu. Veru għax hemm ħafna uċuh ġodda fil-parlament, imma ma jfissirx li dawn qiegħdin kollha wara Dr Grech.
Mill-informazzjoni li toħroġ mill-grupp parlamentari ma tidhirx li dik hija s-sitwazzjoni. Bernard Grech ftaħar li s-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ħafna aħjar minn sentejn u nofs ‘l hawn. Mhux bil-fors jekk ir-ribelli daħlu f’qoxrithom għax indunaw bl-iżball kbir li għamlu meta neħħew il-kap ta’ qabel.
Jafu li l-għażla tagħhom kienet waħda ħażina. Fuq kollox jafu f’hiex wasslithom l-istrateġija ta’ Louis Galea. Jekk hemm prova ta’ dan, wieħed irid iħares lejn ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li għada kif għaddiet jew lejn il-fatt li hawn tgergir kbir kontra l-gvern u xorta l-oppożizzjoni ma tistax taqbad art.
Forsi Bernard Grech jinsab kuntent għax ma għandux klikka li kontinwament tkun qed tattakkah fil-miftuħ. Imma qed taħdem minn taħt. Imma llum kollox sar bżieżaq tas-sapun. Forsi kuntent li s’issa għadha ma ħarġitx li hemm moviment fil-Partit Nazzjonalista biex jitwarrab Bernard Grech qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għax kulħadd jaf li ser jinħlew sentejn b’Bernard Grech fit-tmexxija. U nista’ ngħid li anki jekk jintilfu bil-kbir, l-anqas ser ikun hemm moviment biex jitneħħa.
Dak li ser jiġri llum huwa li l-PN imut l-istess mewta ta’ kif politiċi bħal Bernard Grech qatlu ġewwa l-Italja d-Democrazia Cristiana.
