Kemm il-Knisja u tal-PN b’ħalqhom magħluq fuq l-emendi li jrid idaħħal Chris Fearne fuq l-abort

F’dawn il-jiem, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li ser jemenda l-liġi biex bil-mod il-mod jibda’ jitbexxaq il-bieb ħa jiddaħħal l-abort f’pajjiżna. Dak li laqgħatni kien is-silenzju min-naħa tal-media tal-PN u fuq kollox dik tal-Knisja. Anki The Times, li rrappurtat din il-konferenza stampa ma qalet xejn dwar dan il-fatt. Kienet biss l-Malta Today li rrappurtat din l-istorja. Il-Ministru Fearne ħabbar dawn l-emendi fil-liġi waqt konferenza stampa li oriġinarjament kienet maħsuba biex titkellem dwar il-vaċċin li l-gvern ser jagħti għall-Omicorn.

F’din il-konferenza stampa, il-Viċi-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjien ser jressqu emendi għal-liġi li tagħmilha possibbli biex it-tobba jkunu jistgħu jagħmlu abort u ma jkunux akkużati kriminalment. Ejja ngħiduha kif inhi. Sal-lum ma kien hemm l-ebda akkuża lejn xi tabib li għamel intervent mediku biex isalva l-omm u ġie akkużat b’abort. L-anqas kellna xi storja fejn omm mietet minħabba nuqqas ta’ għajnuna medika matul it-tqala tagħha.

Din l-aħbar kienet xokkanti għal dawk kollha li huma kontra l-abort. Naħseb li kienet xokkanti għall-kulħadd fil-Knisja Kattolika f’Malta minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq din il-kwistjoni. Kienet xokkanti għall-ħafna nazzjonalisti li għandhom iqiesu lill-PN bħala l-partit li joffri tarka lill-familji Maltin u l-Għawdxin. Imma kemm il-Knisja u l-Partit Nazzjonalista ma kummentaw xejn fuq il mezzi tax-xandir tagħhom. L-anqas ikkritikaw il-fatt li aħbar bħal din inħbit f’konferenza stampa li kienet dwar l-influwenza u l-vaċċin. Wieħed kien jistenna konferenza speċifika fuq dawn l-emendi.

Edwin Vassallo kien minn tal-bidu li tkellem u qal b’mod ċar x’jistenna, jiġifieri li kull deputat jivvota kontra dawn l-emendi. Vassallo ma ndirizzax biss lid-deputati tal-PN. Hu kien ċar u qal li jittama li d-deputati tal-gvern li huma favur il-ħajja, jivvuttaw kontra.

Infakkar li kien hemm numru ta’ deputati u anki kandidati li qabel l-elezzjoni li ddikkjaraw li huma kontra l-abort. Illum uħud minnhom qegħdin deputati fil-Parlament. Sal-lum, il-maġġoranza tal-poplu Malti hija kontra l-abort. B’hekk wieħed jistenna li l-Parlament Malti, jew aħjar id-deputati tiegħu, jirriflettu fuq din ir-realta’ u jivvutaw skont dak li qed jistenna minnhom il-poplu Malti.

Dawn l-emendi ser ikomplu jnaqqsu l-fiduċja fil-Parlament Malti u d-deputati tiegħu. Dawn l-emendi ser ikomplu juru lill-poplu Malti li dak li huwa importanti għall-partiti huwa li jerbħu l-elezzjoni u mbagħad jagħmlu fattihom. Fi kliem ieħor, kemm il-gvern u l-oppożizzjoni qed jaraw l-elezzjoni li saret sitt xhur ilu bħala mandat elettorali li jista’ jagħmlu li jridu. Imma l-poplu qed jintebaħ li għall-partiti, l-elezzjonijiet qed isservi biss ta’ eżerċiżju ta’ ingann lejn l-istess poplu. B’hekk il-fiduċja tal-poplu fiI-partiti ser tonqos u mhux tiżdied. Il-partiti politici qed jidhru bħala organizzazzjonijiet li qed jidħqu bil-poplu kif darba kienet qalet Dr. Helena Dalli, illum kummissarju tal-U.E.

B’hekk hemm aktar bżonn ta’ nies kuraġġużi bħal Edwin Vassallo. Min ħaseb li dawn dinosawri spiċċaw qed jibda jinduna li dawn bħal qamħ tal-vanġelu li mietu politikament u b’hekk il-ħsieb tagħhom beda llum jagħti l-frott. Dak li hu żgur li nies bħal Edwin Vassallo qed iġibu fix-xejn il-pożizzjonjiet u l-ipokresija tal-PN u tal-Knisja, fejn erba’ min-nies imħallsin il-belli liri qed imexxu aġenda abortista bil-barka tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi. Il-poplu qed jistenna aktar u ħafna aħjar minn għandhom. Dawn illum huwa destininati li jmutu f’obblivju tal-istorja. Bħal fi żmien Ruma tal-qedem, dawn in-nies huwa destinati għal dik li kienet tissejjaħ damnatio memoriae. B’din il-frażi, ir-Rumani kienu jifhmu li jispiċċaw misħuta min-nies tagħhom stess. B’hekk meta jmutu, ħadd ma hu ser jibki t-telfa tagħhom.

Iż-żmien jagħtina parir minn tassew qiegħed illum verament jitkellem f’isem il-poplu Malti u jgħid il-verita’.

One thought on “Kemm il-Knisja u tal-PN b’ħalqhom magħluq fuq l-emendi li jrid idaħħal Chris Fearne fuq l-abort

  1. Will the President’s office sign this law now? (I am saying President’s office because I am sure that the Head of state will conveniently be abroad at the time, he did it once, why not twice?!)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *