Aktar żviluppi fil-każ ta’ Devis Mangia

Minn korrispondent ta’ dan is-sit

Fl-aħħar siegħat ġie rrapurtat li saru aktar allegazzjonijiet kontra Devis Mangia. Omm ta’ player fir-Rumanija allegat li Mangia għamel fastidju sesswali meta dan il-coach kien qed jikkowċja ġewwa l-Universita ta’ Craiova. Gazzetta Rumena rrapurtat li Mangia allegatament ittanta lil dan il-player u stiednu biex jaraw film pornografiku flimkien. Wara huwa allegat ukoll li l-istess kowċ wettaq atti indiċenti fil-preżenza tal-player.

Il-ġenituri ta’ dan il-player Rumen saru jafu b’dawn l-allegazzjonijiet f’Marzu tal-2019. Hu rrapportat ukoll li Il-kowċ Manġia ġie imkeċċi f’April tal-istess sena. Dan ir-rapport fir-Rumanija kompla saħħaħ id il-Malta Football Association li wara ftit ħin għamlet rapport mal-pulizija bl-allegazzjonijiet li qiegħdin isiru fil-konfront tal-kowċ Taljan.

Dan il-pass li ħadet l-MFA fir-rigward tal-kowċ prinċipali tagħha wasal wara li kien diġa’ tneħħa temporanjament minn kowċ wara li l-MFA kienet irċeviet rapport minn player Malti dwar allegat ksur ta’ regolamenti tal-istess Assoċjazzjoni. L-allegazzjonijiet huma serji b’tali mod li jirrikjedu attenzjoni f’waqtha.

L-MFA imxiet mal-prassi stabbiliti fl-istatut tagħha u kienet mill-ewwel irreferiet il-każ lill-Uffiċjal tas-Safeguarding tal-Assoċjazzjoni biex jinvestiga, kif ukoll jiġbor informazzjoni relatata u jagħmel ir-rapport neċessarju dwar il-każ. Issa l-MFA kompliet bil-passi tagħha u marret għand il-pulizija. Dak li ġara fl-aħħar siegħat, jindika li l-allegazzjonijiet qed isiru aktar serji għax jekk qabel l-MFA żammet kollox fuq livell ta’ Assoċjazzjoni, issa qed titlob l-għajnuna tal-puliżija.

L-MFA ma fadliliex iktar x’tagħmel u tħalli f’idejn il-pulizija ħalli jidħlu fil-każ u toħroġ il-verita’ kollha. Għalkemm dan huwa każ ikrah u serju ħafna, imma fl-istess ħin tammira l-professjonalita’ li mxiet biha l-Malta Football Association meta tfaċċat bi problemi serji bħal dawn. Ta’ min jammira li għalkemm l-MFA tista’ titlef lill-kowċ prinċipali tagħha hija għamlet id-dover tagħha bl-akbar serjeta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *