Is-sinifikat tal-protesta tal-lum għall-Partit Nazzjonalista
Il-protesta tal-lum tal-PN għandha ħafna wċuh. L-ewwel wiċċ huwa dak li hija protesta kontra l-gvern. Li jkun hemm protesti kontra l-gvern hemm qbil fil-Partit Nazzjonalista. Mela fuq dan ma għandux ikun hemm problemi.
Imma din hija wkoll protesta li għandha wiċċ ieħor. Mhux ċar min hu wara din il-protesta. Fi kliem ieħor mhux ċar jekk din ġietx imposta min-nies ta’ Repubblika fuq il-PN biex tkun ħadma kontra Bernard Grech jew inkella ġie maħsuba min-nies ta’ Bernard Grech. Wieħed irid ifakkar li sa ftit jiem ilu, il-PN ma kienx kapaċi jagħmel il-meeting tal-Indipendenza. F’daqqa waħda, hemm din l-enerġija kollha biex issir din il-protesta. B’hekk jekk din il-protesta ma tkunx suċċess, il-futur ta’ Bernard Grech ikompli jiċċajpar. Għalhekk wara din il-protesta hemm marbuta l-karriera politika ta’ Bernard Grech. Kif ngħidu, b’din il-protesta ser jipprova jsalva postu.
Wieħed irid ifakkar li Bernard Grech għamel l-aqwa tas-sajf assenti minn Malta. B’hekk huwa importanti li issa jafferma l-identita’ politika tiegħu. Jekk illum jirnexxilu jagħmel dan, ikun ifisser li Bernard Grech ser jibqa’ kap għall-ħames snin li ġejjin. Jekk le, allura l-konsegwenzi ser ikunu differenti. Għal ħafna fil-PN, f’din il-protesta, Bernard Grech irid jiġbor ġieħu. Dan ikun ifisser li jsalva postu.
Għalhekk għandna din l-attivita’ kollha fil-PN. Fl-aħħar 24 siegħa, kien hemm ħidma biex l-attivisti jibgħatu kemm Alla ħalaq messaġġi lit-tesserati. Saħansitra nbagħtu messaggi lit-tesserati fl-eqqel tal-lejl.
Bernard Grech jaf li l-pjan ta’ dawk ta’ Repubblika huwa li wara l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew itajrulu rasu. Imma jidher li Grech ser jiġġieled biex iżomm postu bħala kap tal-partit.
Dak li hu żgur, li dawn il-manuvri qed inaqqsu mis-saħħa ta’ din il-protesta tal-lum.