Għada ser ikollna xi survey ieħor?
Wasal Ħadd ieħor u wieħed irid jistaqsi jekk hux ser ikun hemm xi survey ieħor fil-gazzetti tagħna. Kemm infakkar li ilu xhur ma jiġi ppubblikat xi stħarriġ politiku. La t-Times of Malta, la l-MaltaToday u lanqas it-Torċa ma tatna xi riżultat ta’ xi stħarriġ li xi waħda minnhom tkun għamlet. Nispera li għada jkollna xi gazzetta minnhom li tagħtina xi wieħed.
Jista’ jkun li s-sajf ma kienx il-perjodu idoneu li jixxandru xi tip ta’ stħarriġ. Imma l-ħajja politika ma waqfitx matul is-sajf għalkemm kienet xi ftit kajmana meta mqabbla ma’ xhur oħra. Jista’ jkun li nistennew għada l-Ħadd, l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, biex ikun ippubblikat wieħed. U jista’ jkun li l-gazzetti ma kellhomx interess jippubblikaw xi survey għaliex issa Adrian Delia ma għadu l-kap tal-Partit Nazzjonalista u l-iskop tal-użu politiku tas-surveys intlaħaq.
Imma anki jekk Adrian Delia ma għadux kap, fil-politika għaddejjin minn żminijiet interessanti u huwa importanti li n-nies inkunu jafu kif għaddejjin il-partiti politiċi, speċjalment it-tnejn il-kbar. Dan is-sit jinsab infurmat li l-partiti baqgħu għaddejjin bl-istħarriġ tagħhom imma dawn kienu surveys interni u r-riżultati ma jkunux ippubblikati.
Dak li dan is-sit jista’ jiżvela li l-Partit Laburista għamel surveys u kellu riżultati ħżiena mill-istħarriġ li ntgħamel. Ikun tajjeb li l-gazzetti jippubblikaw xi survey ħalli nkunu nafu kif qed jidhru l-partiti politiċi. Dan għaliex l-aħbarijiet li għaddejjin la jagħtu xi ġieħ lill-Partit Laburista u lanqas lill-Partit Nazzjonalista.
Qed naqraw fuq il-meżżi soċjali ħafna tgergir fuq l-atteġġjament ta’ ċertu ministri li qed ibiegħdu diversi partitarji Laburisti il-bogħod mill-partit tagħhom. Għaddej ġlied intern u ċerti ministri qed ikun oskurat ix-xogħol tagħhom. Fuq kollox, hemm ħafna messaġġi fejn qed jidher li hemm skuntentizza fil-kamp Laburista. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu ħafna għaliex qed isir dan it-tgergir. Li hu żgur li jekk isir stħarriġ bħalissa nkunu nafu iżjed kif inhu għaddej il-Partit Laburista.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jinħass li sejjer mill-ħażin għall-agħar. Kellna prova serja matul il-jiem li għaddew meta kienu inqas minn mitejn li attendew il-festi tal-Indipendenza. L-agħar preżenza kemm ilhom isiru dawn il-festi. Ikun tajjeb ukoll li jiġi mxandar xi stħarriġ ieħor ħa naraw liema livell qed imiss il-Partit Nazzjonalista.
Nistennew u naraw. Nittamaw li ma ndumux ma jkollna xi ftit listi ta’ numri x’nanalizzaw u nistudjaw biex inkunu nafu l-partiti politiċi għandhomx bżonn jidħlu f’qoxrithom u jagħtu każ il-messaġġi li qed jgħaddulhom is-sostenituri tagħhom.