Edwin Vassallo u Giorgia Meloni: x’hemm li verament jgħaqqadhom?

Raphael Vassallo kiteb artiklu fil-Malta Today, dwar l-elezzjonijiet fl-Italja. Hu artiklu dwar Giorgia Meloni. Meloni qed tkun attakkata u diskritta bħala Faxxista għaliex hija titkellem dwar il-familja u tgħid li hija Kristjana. B’mod żballjat, il-woke qed jgħidu li din hija l-ewwel darba li l-Faxxisti ser imorru fil-gvern fl-Italja minn wara l-gvern ‘l hawn. Dawn ġa nsew li kien hemm politiku “Faxxista” ieħor – Gian Franco Fini – li kien ħa lill-partit tiegħu fil-gvern ġewwa l-Italja u mexa mar-regoli tad-demokrazija. Mela għala dan il-biża’ kollu minn Meloni? .

Imma qabel ma nirrispondi din il-mistoqsija, ser nerġa’ niġi għal Malta. Illum, wieħed irid jgħid li l-PN ma għadux dak li kien taħt Eddie Fenech Adami u Tonio Borg. Dak li hu interessanti li Raphael Vassallo jqis li l-PL u PN bħala żewġ partiti “Faxxisti” fis-sens li dak li qed tipproponi Meloni dwar il-familja kien jagħmlu l-PN u fil-każ tal-emigrazzjoni dan qed jagħmlu llum il-Partit Laburista.

Hawn fejn ma naqbilx. Mela b’daqshekk wieħed isir Faxxista? Fil-verita’, illum għandna żewġ partiti li saru liberali. Issa jekk Raphael Vassallo jara fil-liberaliżmu l-oriġini tal-Faxxiżmu allura hawn nista’ nibda naqbel miegħu.

Min-naħa l-oħra ma nistax ma ninnutax kif Raphael Vassallo kiteb fuq Edwin Vassallo. Anzi jien nara li fil-mod ta’ kif kiteb Raphael, jidher li qed jagħti raġun lil Edwin Vassallo. Żgur li Edwin Vassallo qiegħed jinkwieta lil hekk imsejħa liberali. Kieku ma kienux jiktbu dwaru.

Hu hawn fejn naħseb li qed jiżballja Raphael Vassallo. Raphael Vassallo qed jipprova jirredikula lil Edwin Vassallo għaliex bir-raġun, Edwin Vassallo ddiskriva lil ta’ The Times bħala parti mill-“Woke culture”, xi ħaġa li dan is-sit ilu jikteb dwarha.

Dan l-artiklu huwa kollu kemm hu attakk fuq dak li temmen fih Meloni, iżda miktub biex primarjament jiġi kkritika Edwin Vassallo bla ma jagħmlu martri. Dan għaliex Edwin Vassallo baqa’ wieħed minn tal-aħħar fil-Partit Nazzjonalista li għadu jipprova jitkellem biex fil-pajjiz isalvaw l-valuri milli jkomplu jitwarrbu minn din il-“woke culture”.

Il-problema tal-lum hija l-PN ċaħad il-valuri umani kif jitkellem dwarhom Edwin Vassallo u kif kull min hu tassew Demokristjan għandu jitkellem. B’hekk il-PN ċaħad l-identita’ tiegħu stess. Infakkar li l-motto “religio et patria” ġie maħluq minn wieħed mill-ikbar ħassieba tas-seklu dsatax, jiġifieri Giuseppe Mazzini. Mazzini esprima dawn il-ħsibijiet fil-ktieb Dei Doveri del Uomo. Dan il-ktieb sar wieħed mill-aktar kotba fundamentali għall-ħsieb politiku Ewropew. Huwa interessanti kif il-woke culture qed tibdel dan kollu u tagħtih tikketta Faxxista!

Iż-żmien qed jagħti raġun lil dawk kollha li qed jitkellmu kontra din il-woke culture li bdiet tiġi fformulata fl-Ewropa. Minflok, il-Partit Nazzjonalista ħadem kontra tagħha, iddeċida li jsir biċċa minnha. U b’hekk sfaxxa u sar partit mhux eleġibbli għall-poplu Maltin.

Fl-Italja, kellha tkun mara b’imgħoddi partikolari biex turi t-triq ‘il quddiem. Meloni qatt ma warrbet dak li temmen fih u rebħet. Mexxiet partit li bil-kemm kellu wieħed fil-mija tal-elettorat warajh u għamlitu llum l-ikbar partit fl-Italja.

Hawn Malta, il-PN u l-PL warrbu l-valuri tagħhom fil-ġirja għar-rebħa akkost ta’ kollox u illum l-ebda partit ma għadu jintgħaraf minn dak li kien ġie maħluq biex ikun. Meloni qatt ma ċaħdet il-valuri li temmen fihom u rebħet. Min jiċħad il-valuri tiegħu, bħal ma għamlet d-Demokrazija Kristjana fl-Italja, jitlef ir-relevanza storika tiegħu.

Għalhekk ir-rebħa ta’ Meloni spiċċat ħawdet lil ħafna nies. Għalhekk il-woke qed jibżgħu minn Meloni. Għaliex fil-politika, il-konsistenza kollox. Anki meta l-baħar iħabbat kontra tiegħek, trid tibqa’ konstanti u terbaħ.

Minn għandu widnejn biex jisma’ ħa jisma’.

One thought on “Edwin Vassallo u Giorgia Meloni: x’hemm li verament jgħaqqadhom?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *