Il-kliem profetiku tas-Sindku tal-Qrendi dwar sewqan aċċessiv fil-lokalita’ tiegħu

Minn Osservatur Politiku

Is-Sindku tal-Qrendi ħareġ jgħid fuq il-media li hu kien ilu javża lill-awtoritajiet li ser ikun hemm xi aċċident ikrah. Kien ilu javża li f’kull ġurnata tal-ġimgħa kien hemm numru ta’ żgħażagħ li kienu qed isuqu l-karozzi b’veloċita aggressiva fi triq partikulari fil-Qrendi.

Hemm bżonn li jkun hemm xi aċċident serju biex l-awtoritajiet jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jippruvaw jevitaw xi nċident bħal ma ġara? Għaliex qatt ma ngħatat attenzjoni neċessarja għal informazzjoni mogħtija mis-sindku tal-lokalita’? Għaliex kellu jinqala’ aċċident gravi biex issa forsi jibdew jeżerċitaw il-liġi, l-awtoritajiet involuti?

Din hija attitudni li trid tinbidel jekk verament irridu li t-toroq tagħna jkunu sikuri u skond il-liġi. L-awtoritajiet iridu jagħtu każ ta’ ndividwi li jkunu qed jesprimu l-ħsibijiet tagħhom jew iwissu dwar xi periklu eżistenti fil-lokalita’ fejn jgħixu. Dan mhuwiex każ uniku. Din mhix lokalita’ waħda li qed tiffaċċja dan il-ksur tal-liġi f’pajjiżna. Jeżistu toroq fejn is-sewqan huwa esaġerat u hemm bżonn li jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jitnaqqas il-periklu ta’ xi inċident serju bħal ma rajna fil-Qrendi.

Diversi kunsilli lokali, u anke individwi, jitkellmu jew jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet li f’xi triq partikulari jeżisti l-possibilita’ ta’ sewqan essaġerat li jista’ jwassal għal xi traġedja. Kemm-il darba naqraw fuq il-medja soċjali fuq affarijiet simili li jsiru f’xi triq partikulari, imma sfortunatament ma tantx qed naraw azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet biex nevitaw problemi u inċidenti simili tal-Qrendi.

Hemm bżonn ukoll li dan is-suġġett tant importanti ta’ kif għandna nġibu ruħna fit-toroq għandu jkun parti mis-sillabu tal-edukazzjoni sekondarja fejn iż-żgħażagħ tagħna jkunu qed jaslu biex jieħdu l-liċenzja tas-sewqan. Irid ukoll jissaħħaħ l-istudju teoretiku neċessarju għal dawk li jersqu lejn din il-liċenzja. Huwa importanti li tali informazzjoni tiġi disseminata lil kull min ikun qed jersaq biex jieħu l-liċenzja tas-sewqan.

Ma tantx hemm triq aħjar mill-edukazzjoni anke f’dawn l-affarijiet. It-toroq tagħna jkunu salvi biss jekk fihom isuqu nies li jkunu magħrfa bil-konsegwenzi li jistgħu jsoffru jew bil-ħsara li jistgħu jagħmlu lil ħaddieħor jekk ma jġibux irwieħhom sewwa waqt li qed isuqu fit-toroq. Hemm bżonn ukoll li l-liġi tissaħħaħ kontra nies li joħolqu inkwiet żejjed fit-toroq. Hemm bżonn li dawn it-talinn jiġu dixxiplinati jekk jista’ jkun ħafna qabel joħolqu xi diżgrazzja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *