Il-Każ ta’ Devis Mangia: l-MFA toħroġ stqarrija

Il-Bord Esekuttiv tal-Malta Football Association laqqgħet meeting urġenti nhar l-Erbgħa biex jiddiskutu speċifikament il-każ Devis Mangia, il-Head Coach tat-Timijiet Nazzjonali, wara li t-Tlieta t-Times of Malta ppubblikat rapport fuq is-suġġett. Dan il-coach kien temporanjament sospiż mis-servizzi tiegħu minħabba allegazzjonjiet magħmula minn player tan-nazzjonal.

Il-President tal-MFA spjega kif ittieħdu l-azzjonijiet meqjusa neċessarji, immedjatament kif saru jafu b’dawn l-allegazzjonijiet wara li tkellmu mal-player li għamel l-allegat rapport. Il-Bord Esekuttiv ġew informati dwar l-allegazzjonijiet magħmula. Il-President ta spjegazzjoni dettaljata ta’ kif imxiet l-Assoċjazzjoni fl-għażla tagħha meta għażlet lil Mangia għal dan l-impenn.

Il-membri tal-Bord ġew mogħtija spjegazzjoni tal-mod kronoloġiku ta’ kif ġie magħżul il-coach. Wieħed jibda’ jiddubita jekk kienx hemm xi aħbar jew rapport dwar l-imġieba tal-istess coach qabel ma ġie assenjat ix-xogħol hawn Malta. L-istqarrija tal-President tgħid li kien hemm allegazzjonijiet li qatt ma rriżultaw f’fatti fl-2016 ġewwa l-Italja.

Fil-fatt il-liċenzja tal-coaching ta’ Mangia dejjem baqgħet tiġi rikonoxxuta u mġedda kull sena kif suppost. Kien importanti għall-Assoċjazzjoni li jagħtu d-dettalji kollha ta’ kif sar il-proċess ta’ impjieg minħabba ħafna spekulazzjonijiet li ħarġu fuq il-medja.

Il-President Bjorn Vassallo kkonferma li l-Assoċjazzjoni tiegħu kienet għamlet due diligence kif suppost fil-bidu tal-ingaġġ ta’ Mangia. Is-sitwazzjoni bħalissa hi li kollox ġie riferut lill-uffiċċjali relevanti tal-Assoċċjazzjoni biex jinvestigaw fid-dettal dak kollu li ntqal lilhom. Huwa enfasizza li qed jagħmlu kollox skond il-liġijiet tal-pajjiż.

Il-Bord Esekuttiv qabel mad-deċiżjoni li Mangia jiġi sospiż temporanjament u li jinżamm hekk sa xħin isiru l-investigazzjonijiet kollha. L-MFA ħadet l-impenn li żżomm lil UEFA nfurmata b’kollox u f’kull ħin. Ta’ min jikkonferma li minn nhar it-Tlieta sal-lum kien hemm player ieħor tan-nazzjonal li resaq lejn l-MFA b’allegazzjonijiet li jistgħu jkunu simili.

Il-Bord Esekuttiv tal-MFA irrisolva li huma ser jagħmlu dak kollu possibbli biex toħroġ il-verita’ kollha u għal darba oħra ikkonfermaw li l-Bord għandu fiduċja sħiħa fl-istruttura tal-MFA u l-proċessi tagħha. Meta jafu bil-livell ta’ serjeta’ tal-każ l-MFA qalet li hi dejjem tinsab disposta li tisma’ kull whistleblower li jwassal lilha xi rapport u twiegħed li tieħu l-prekawzjonjiet kollha b’serjeta kbira u li żżomm konfedenzjalita assoluta.

Wieħed irid jammira l-mod professjonali li bih imxiet l-MFA. Il-poplu jesiġi li jkun jaf il-verita kollha dwar dawn l-allegazzjonijiet u jistenna li jkun infurmat b’kull pass li ser ikun qed jittieħed li jwassal biex ikunu skoperti l-fatti kollha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *