Ġurnalisti liberali ħadu għalihom għax ġiet “leaked” il-lista taż-żgħażagħ li kienu ser jitkellmu favur l-abort.

The Malta Today tagħtna artiklu fejn fih ġie kkritikat il-fatt li lista bl-ismijiet taż-żgħażagħ li huma favur l-abort u li kienu ser jieħdu sehem fis-sezzjoni tal-parlament taż-żgħażagħ dwar dan is-suġġett “was leaked.” Dan wassal biex numru minn dawn iż-żgħażagħ irtiraw minn din l-attivita’.

Dan ġab rabja kbira fost il-ġurnalisti liberali kemm ta’ The Times u anki tal-Malta Today. Dan is-sit jista’ jiżvela li anki ġurnalisti ta’ The Times huma kontra dan il-fatt, anki jekk kitbu artiklu aktar pakat minn dak tal-Malta Today. Imma bħal Malta Today, il-ġurnalisti ta’ The Times ħassew li mhux sew li kien hemm dan il-leak. Tajba ukoll. Mela huma għax liberali għandhom dritt li jagħmlu leak ta’ kull aħbar li tinteressa lilhom, imma ħaddieħor ma jistax jagħmel dawn it-tip ta’ leaks.

Anzi għax ħaddieħor jagħmel leak u joħroġ aħbar bħal din fil-pubbliku, hemmhekk jibdew l-argumenti li dan mhux sew li qed isir dan. Ara fuq xi qassis għaliex il-pulizija qalet li jara l-pornografija mingħajr ma l-istess pulizija għadha ġabet xejn fil-qorti, hemmhekk The Times għamlet storja minnha.

Verament għandna ġurnalisti oġġettivi u jiktbu bil-fair! L-għemejjel tagħhom biss tajba. Imma jekk ħaddieħor jagħmel bħalhom allura ħażin. Jekk qatt kien hemm bżonn, din l-istorja kixfet li mhux biss il-Malta Today għandha aġenda favur l-abort imma anki The Times. Id-differenza tinsab fil-fatt, li l-Malta Today iddikkjarat din l-aġenda tagħha waqt li The Times trid tilgħabha tal-verġni u pura.

Fuq kollox, ma nara xejn ħażin li persuna tkun favur l-abort u turi isimha. Għaliex dan il-biża’ kollu? Għax il-ġurnalista tal-Malta Today qalet li jista’ jkun hemm riperkussjonijiet fl-universita’ kontra dawk li huma favur l-abort. U għaliex din il-ġurnalista tal-Malta Today ma tinvestigax jekk is-sitwazzjoni tistax tkun bil-magħluq, jiġifieri dawk li huma kontra l-abort jistgħu jmorru ħażin ma’ xi lecturers li huma favur l-abort ġewwa l-universita’?

Ma nagħmlux mod li l-vera raġuni tinsab fil-fatt li ħafna minn dawn li kienu mniżżla favur l-abort kienu maħsuba biex ikunu “trojan horse”, biex jfarrku dawk li huma onesti fil-Partit Nazzjonalista?

Kemm ngħid li fost dawk iż-żgħażagħ imniżżla favur l-abort kien hemm waħda li ħadmet qattiegħ ma’ Emwin Bartolo kontra Adrian Delia biex spiċċa minn kap tal-Partit Nazzjonalista u ma ddejqitx tirrapporta lil Nazzjonalisti ġenwieni lill-pulizija u s-sieħba tagħha tfassal l-ideoloġija politika tal-Partit Nazzjonalista.

Issa ħiereġ ċar għaliex tal-klikka kienu kontra Adrian Delia. Waħda mir-raġunijiet kienet li Adrian Delia kien b’saħħtu kontra l-abort u għaliex Adrian Delia kien kontra l-abort anki l-media tal-Knisja ħadmet kontra tiegħu biex taqtagħlu rasu ħalli jitqiegħed kap b’aġenda xelluġija u abortista u li hu qrib il-Partit Laburista.

U mhux ta’ b’xejn li d-deputat Laburista Randolph de Battista ħareġ jiddefendi lil dawk in-Nazzjonalisti li kienu favur l-abort u ma ħadux sehem għaliex isimhom inkixef. Infakkar li matul il-kampanja tal-kap, dawk ta’ Bernard Grech kien attakkaw bla preċedent Nazzjonalisti oħra u għajruhom Laburisti għaliex kienu dehru fuq xi Super One.

Bil-mod il-mod ħerġin il-fatti jiġifieri min huma dawk ta’ madwar Bernard Grech li verament qegħdin fil-but tal-Partit Laburista, tant li Randolph de Battista ħass li kellu jaqbeż għalihom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *