Issa sirna nafu li għandna Partit Kommunista ġdid f’Malta

Minn Osservatur politiku

Ftit konna nafu li f’Malta għad għandna l-Partit Komunista. Ħadd ma kien jaf li biex issejjaħ protesta hemm għalfejn tinqeda b’logos tal-Partit Komunista. Forsi ried ikun hemm messaġġ ta’ forza f’dan il-poster. Forsi riedu juru li b’hekk tista’ ċċaqlaq lill-poplu Malti u Għawdxi. Mid-dehra l-kulur blu li jintrabat mal-Partit Nazzjonalista ma għadx għandu saħħa jew ma jiswa xejn mal-partitarji tiegħu. Kien hemm bżonn li jinbidel il-kulur tant użat matul is-snin biex jissejħu l-partitarji tal-partit biex forsi jinġabru warajh.

Hija xi ħaġa li ma tantx tinżel tajjeb li biex toħroġ poster f’isem il-Partit Nazzjonalista trid tbiddel il-kulur li tant għożżejt għal għexieren ta’ snin ma kulur ieħor qawwi li nafuh marbut mal-partit oppost. Skont Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista jiddejjaq jara l-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin sejra lura kull ġurnata li tgħaddi. Għalhekk bħala partit Demokristjan irid ilaqqa’ l-partitarji tiegħu biex jipprotesta kontra dak li qed jagħmel il-Gvern.

Imma ma kienx kapaċi jorbot kollox mal-Partit Nazzjonalista għax ħaseb li jkun aħjar li lill-Partit Nazzjonalista jħallih fil-ġenb kemm jista’ jkun. Tant hu hekk li fil-poster tiegħu li prepara għal din il-protesta, il-kliem Partit Nazzjonalista trid tuża lenti biex tarahom. Kien hemm dik ix-xewqa li donnu mhux il-Partit Nazzjonalista qed jgħajjat in-nies imma xi setta’ oħra li tuża l-kulur aħmar jgħajjat.

Lanqas l-emblema tal-Partit Nazzjonalista donnu ma għadx fiha saħħa jew tama. Din l-emblema sparixxiet minn fuq il-poster preparat mill-Partit Nazzjonalista. Ma għadhiex tidher. Lanqas qed tintuża. Għaliex it-tmexxija tal-lum jaħsbu li hu xi diżunur li jagħmlu użu mill-arma tal-Partit Nazzjonalsita li tant imxejna warajha għal għexieren ta’ snin.

Imma le dik l-emblema ma kienetx tajba. Imma kien hemm oħra li kienet qed tibgħat messaġġ aktar b’saħħtu. Flok l-emblema tal-Partit Nazzjonalista għoġobhom jużaw dik li rajniha kemm-il darba marbuta mal-Partit Komunista. Arma ħamra bl-iswed li tispikka għall-aggressjoni tagħha.

Dak il-ponn magħqud li jissimbolizza forza straordinarja. U f’qies kbir ħa tidher sewwa. Qed jippruvaw jiġbru n-nies warajhom bil-forza tal-ponn li jekk xejn jagħti l-impressjoni li sejrin għall-ġlied. U wieħed jistaqsi, ġlied kontra min? K ien hemm għalfejn il-Partit Nazzjonalista jagħmel poster qiesu ta’ werwer? Kien hemm għalfejn jinqeda bil-ponn tal-Partit Komunista biex jipprova jattira n-nies lejh?

Għal ħafna dak il-poster jimbuttak u mhux jiġbdek lejn il-Partit Nazzjonalista. Dak mhux poster tal-Partit Nazzjonalista. Dak huwa kollox barra sinjal Demokristjan li l-partitarji ta’ dan il-Partit tant jiftaħru li huma.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *