Il-messaġġ ta’ Chris Said

L-Onor. Chris Said kiteb artiklu bl-Ingliż fejn fih qal li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonna. Ħafna, meta qraw dan l-artiklu staqsew għaliex issa qed jinkiteb u mhux qabel? Said qed jgħidilna li għall-ġid tal-pajjiż hemm bżonn li jissaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. U fuq dan għandu raġun.

Il-mistoqsija li wieħed jistaqsi hija din. X’inhu eżatt jiġri bħalissa fil-Partit Nazzjonalista? Ejja ngħiduha kif inhi. Chris Said kien wieħed minn dawk li ħadem biex ikun hemm bidla fil-kap tal-Partit Nazzjonalista u huwa wieħed minn dawk risponsabbli għall-istat li jinsab fih il-PN bħalissa. Mela meta wieħed jaqra dan l-artiklu, wieħed iħoss li Said qiegħed jgħid il-mea culpa tiegħu

Min-naħa l-oħra, wieħed jieħu gost jara li Chris Said qed isejjaħ għall-għaqda jew għar-ritorn lura ta’ tant partitarji li tbiegħdu mill-Partit minħabba dak li ġara fil-passat. Ma nafx jekk dak li qed jikteb għandux jinqara bħala apoloġija politika għal dak li għamel, anki jekk wieħed irid jgħid li hu ma kienx waħdu u wisq nibża’ li anki kien ġie wżat.

B’hekk jekk dan l-artiklu jfisser li Chris Said irid li dawk li telqgħu jiġu lura biex jispiċċaw il-firdiet li hemm, dan huwa ta’ min ifaħħru.

Il-problema tinsab hawn. L-ewwel hemm ħafna nies, inkluż Nazzjonalisti li qatt ma jistgħu jinsew minn dak li għaddew minnu u dan kollu għaliex appoġġjaw lill-kap preċedenti Adrian Delia. Ħafna minn dawn in-Nazzjonalisti ma jistgħu qatt jinsew id-diskorsi u t-tgħajjir li sar kontra tagħhom għaliex kienu ma’ Adrian Delia. B’hekk aktar ma beda jiġi attakkat Adrian Delia, aktar bdew iħossu li qed jiġu attakkati huma. Kien hemm min saħansitra spiċċa arrestat u oħrajn ittellgħu l-qorti u dan kollu għaliex kienu ta’ Delia. Imbagħad skoprejna li r-raġunijiet mogħtija kienu kollha mibnija fuq tant gideb. Illum sar diffiċli għal ħafna minn dawn in-Nazzjonalisti tal-Azzar biex imorru lura.

Imbagħad hemm il-fatt stess li jidher li Chris Said ma baqax in good terms ma’ Bernard Grech. Dan deher ċar għaliex għal xi żmien, Said ma kienx qed jitkellem fil-pubbliku fuq il-politika. B’hekk dan l-artiklu jista’ jiġi miftiehem li kien hemm xi tip ta’ rikonċiljazzjoni bejn it-tnejn. Jekk dan hu minnu, din hija aħbar tajba u ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista.

Imma mbagħad hemm it-tielet punt. Illum hemm qasma ideoloġika fil-PN. Said jagħmel referenza għaliha u hija fiċ-ċentru tal-messaġġ tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista ma għadux il-partit li kien. U Chris Said dan jafu sew. Mhux ser ngħid li hu kien vittma tagħha. Vittma ma kienx. Hu ngħaqad ma’ xirka fil-PN li ddeċidiet li Alla hu l-għadu li jrid jinqered. Hu ngħaqad ma’ xirka fil-PN li trid iġġib u twassal għad-‘deChristianization” jew id-dekristinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Dan ġie nnutata sew fuq id-distrett tiegħu. Infakkar li Chris Said kien biċċa waħda ma’ Claudette Buttigieg u Buttigieg kienet waħda mill-perċimeż fuq dan l-attakk infami fuq l-ideoloġija storika tal-Partit Nazzjonalista. X’ġara? Buttigieg u Said ħarġu fuq Għawdex. Buttigieg l-anqas biss telgħet. Said tilef Għawdex lill-kandidat relattivament ġdid li kellu l-magna kollha tal-Partit Nazzjonalista kontra tiegħu.

Għal ħafna Nazzjonalisti, Chris Said ma tantx huwa l-eżempju ideali biex ireġġa’ lura lin-nagħaġ il-mitlufa jew jitkellem fuq ideoloġiiji. Ma tantx huwa dak il-persuna li bl-eżempji tiegħu jista’ jixpruna l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Chris Said għamel għażliet politiċi ħżiena li kissruh politikament. Għalhekk nieħu gost ninnota li qed jikteb b’tonn li jrid issejjaħ għall-diskussjoni ideoloġika fil-Partit Nazzjonalista. Imma l-problema issa hija ta’ mnejn ser jibda’.

Forsi kien hemm dawk li qalu li aħjar li kieku Chris Said ma tkellem xejn għax għadha friska wisq il-memorja ta’ x’ġara fil-Partit Nazzjonalista. Jien ma naqbilx. Għamel sew li tkellem. Imma issa jrid huwa jagħti eżempju personali ta’ x’irid jagħmel u kif ser isaħħaħ il-Partit Nazzjonalista.

U jekk irid jerġa’ jidħol fil-logħba, Said irid l-ewwel jirrikonċilja ruħu ma’ dawk id-Demokristjani mweġġa’. Dawn huma l-futur għaliex lil hinn mill-Knisja, l-Ewropa ser timxi lejn spiritwalita’ ġdida. Nemmen li hu kapaċi jagħmilha għaliex fil-fond ta’ qalbu, huwa bniedem Demokristjan u mhux persuna falza. Anki jekk kien għamel patt imxajtan, naħseb li llum qed jirrealizza li kien ħażin mill-bidu sal-aħħar. Għaliex fil-Partit Nazzjonalista għandu jkun hemm ferħ għal xi ħadd li kien mar fuq in-naħa tal-Liberali u reġa’ rritorna fuq in-naħa Demokristjana milli għal dawk kollha li baqgħu Demokristjani. Fuq kollox, dan mhux qed ngħidu jien, imma qed jgħidu San Luqa, kapitlu 15, vers 7.

Ma hemmx dubju li Chris Said huwa mdejjaq iżjed minn ħaddieħor bis-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista llum. B’hekk jekk dan hu messaġġ li ser jinqata’ mill-klikka tal-woke li wħud minnhom kont tarahom fuq quddiem fuq il-bankijiet tal-Knisja u mbagħad kienu jmorru fl-istrutturi tal-Partit u jippromwovu u jmexxu l-aktar policies anti-Kristjani li wieħed jista’ jaħseb dwarhom.

B’hekk jekk dak li kiteb hu maħsub biex jibgħat messaġġ lil sħabu li l-veru futur jinsab fil-ħsieb Demokristjan jew Konservattiv, allura dan hu artiklu li ser iħalli l-ġid fil-Partit Nazzjonalista. Jekk le, ikun inutli li nkiteb. Anzi kien artiklu li aktar biegħed milli ġab nies lejn il-Partit Nazzjonalista.

One thought on “Il-messaġġ ta’ Chris Said

  1. Quote from Chris Said’s article: “History has always shown that people turn to the PN when the country is in dire straits.”
    This statement is patently false. The people turn to the PN when it has something substantial to offer such as independence in early sixties, the defence of the nation’s Catholic values over the following decades, and fully entry into the EU during the Fenech Adami years. Right now the PN has nothing to offer that matters much. As pointed out above we are facing attempts by the EU to solidify Europe as a non-Christian continent and Chris Said has jumped on its ideological train. He is no longer one of us and hasn’t been for quite some years. We are accountable to God the Almighty only.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *