L-Oppożizzjoni li għandu bżonn il-pajjiż

Minn osservatur politiku

Il-pajjiż jinħtieġ oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli li tassew tirrifletti rappreżentanza demokratika fil-parlament. Il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni viżjonarja li tista’ tiġi fdata, biex fi kwalunkwe eventwalita’, tkun tista’ tieħu r-rigni tal-pajjiż f’idejha. Trid tkun oppożizzjoni li tirrifletti tant fiduċja li tkun tista’ tmexxi fl-aħjar interess tal-pajjiż kollu. Imma sfortunatament minn dak kollu li qed naqraw u li qed jingħad, ma tantx jidher li l-oppożizzjoni qiegħda f’sitwazzjoni li tkun tista’ twettaq dawn id-dmirijiet jekk jinqala’ il-każ.

Bernard Grech kien wiegħed għaqda assoluta kif jieħu t-tmexxija f’idejh, imma ġara eżattament l-oppost għax il-Partit Nazjonalista kompla tfarrak. Jekk forsi xi darba kellu viżjoni għall-pajjiż issa żgur li din tinsab nieqsa għal kollox. Is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista hija ħasra għad-demokrazija attiva f’pajjiżna. L-iskrutinju tant neċessarju tal-oppożizzjoni fuq il-Gvern huwa nieqes u donnu reġa’ ma qabadx art anke wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet għalkemm fil-grupp parlamentari Nazzjonalista hemm ħafna wċuh ġodda.

Erġajna waqajna fuq l-istess narrattiva li nattakkaw biss il-korruzzjoni tal-Gvern u xejn iżjed. S’issa għadna ma smajna xejn fuq xi elementi ta’ diskussjoni li jixtiequ jressqu l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Il-poplu mdejjaq b’din l-istess narrattiva li qisa teżisti biss il-korruzzjoni. Possibbli t-tmexxija tal-Partit għadha ma rrejalizzatx li tilfu tliet darbiet in fila minħabba li l-attakki fuq il-partit oppost kienu iduru biss fuq il-korruzzjoni u ebda viżjoni għall-futur.

Possibbli għadhom ma ndunawx li l-poplu jinsab imdejjaq jisma biss fuq dak li għamel ħażin il-gvern mingħajr ma tiġi preżentata xi kwalita’ ta’ viżjoni. Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn isib saqajh kemm jista’ jkun malajr. Hemm bżonn jitnaddaf minn dawk l-elementi li ħakmu lill-istess partit u ma jridu jwarrbu b’xejn. Jekk ma jsirx dan il-probabilita’ hi li se tkompli tiżdied il-firda fi ħdanu. Hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jiftaħ għajnejh u jimxi maż-żminijiet għax jekk mhux ser jagħmel hekk ser ikompli jikkundanna lilu nnifsu għall-bankijet tal-oppożizzjoni.

One thought on “L-Oppożizzjoni li għandu bżonn il-pajjiż

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *