Il-Festi tal-Indipendenza urew li l-Partit Nazzjonalista jrid jibdel ir-rotta

Minn osservatur politiku

Jekk xejn il-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena tawna konferma li l-Partit Nazzjonalista spiċċa kompletament. Partit politiku juri l-qawwa tiegħu bl-attendenzi li jkollu meta jorganizza xi ħaġa bħala partit. Bl-attendenzi li rajna fis-Siggiewi u ħdejn il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana taw konferma ċara li l-poplu ma hu qed jara xejn li jiġbdu lejn il-Partit Nazzjonalista. Ma nistgħu nippretendu xejn iżjed meta jeżisti partit bla flus, bla interess, bla partitarji, bla għaqda, bla ruħ, bla armonija interna u bla kuraġġ ta’ xejn.

It-tmexxija tal-Partit ħasbu li dawk li sa ftit taż-żmien ilu kienu qed jiġu mgħajjra ġrieden jew tat-tielet klassi, ser jinsew malajr u jingħaqdu mat-tmexxija preżenti qiesu qatt ma ġara xejn. Dan kollu għax waslet il-festa tal-Indipendenza. Jekk xejn il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li din hija protesta kwieta u sottili għal kif il-partit qed jitmexxa jew tmexxa f’dawn l-aħħar xhur.

L-elezzjoni tat sinjal ċar li ma hemmx fiduċja fit-tmexxija tal-partit u jekk riedu juru xi tip ta’ fejqan misshom sabu lil xi ħadd ieħor jieħu postu bħala kap. Imma naħseb li llum anki din problema. Kieku għamlu biċċa survey żgħir, anke bejn il-kunsilliera biss, kienu jindunaw li l-maġġoranza tilfu l-fiduċja li l-affarijiet qatt ser jitbiddlu għall-aħjar. U kif jidhru l-affarijiet, l-appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jonqos.

Kull ġurnata li tgħaddi qed issir aktar ħsara u aktar sostenituri qed jitbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista. Sfortunatament il-Partit Nazzjonalista tilef id-direzzjoni tiegħu. Dan il-partit spiċċa bl-istess kantaliena li ma hi qed tattira lil ħadd. Partit li għaddej b’nofs ħeġġa u kollox imqanzah bħal ma kienu l-festi organizzati għall-Indipendenza.

Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn żmien fejn ma jistax jinżel aktar l-isfel. Mhux talli miss il-qiegħ imma talli qed iħaffer aktar l-isfel mill-qiegħ. Hemm bżonn li s-sostenituri u l-kunsilliera jqumu mill-apatija li daħlu fiha u jirrealizzaw li l-Partit Nazzjonalista diġa’ ħa tkaxkira tajba, imma ġejjin oħrajn li ser ikunu agħar.

Iridu jqumu u jaraw kif ser jagħmlu biex jibdlu r-rotta. Jekk mhux ser isir hekk, il-Partit Nazzjonalista mhux ser jieħu r-ruħ u ser jibqa’ jħares biss lejn l-istorja glorjuża antika tiegħu. Il-poplu mhux ser juri fiduċja fil-Partit Nazzjonalista għax ir-raġunament ser ikun li jekk is-sostenituri m’hu qed jagħmlu xejn biex joħorġu lill-partit tagħhom mill-apatija u d-diżastru li jinsab fih, għalfejn il-poplu joqgħod jinkwieta hu.

One thought on “Il-Festi tal-Indipendenza urew li l-Partit Nazzjonalista jrid jibdel ir-rotta

  1. La kuntenti l-kinsilliera b’dan id dizastru hallijhom ikomplu jinxfu u jitbasktu sa kemm isijru rmied. Il PN sar sahta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *