L-editur ta’ Loving Malta għandu jiddikkjara jekk għandux konflitt ta’ interess fuq il-Cannabis jew le.

L-editur ta’ LovinMalta kiteb artiklu biex jattakka lil Mariella Dimech li tiġi oħt Saviour Balzan. Mariella Dimech hija psikologa u qed tmexxi l-kumitat jew aħjar hija d-direttur tal-Awtorita’ għall-Użu Risponsabbli tal-Kannabis (ARUC).

Julian Bonnici, l-editur, ħareġ jattakka lil Dimech u jgħid li r-riforma tal-Kannabis għall-użu personali qed tisfaxxa fix-xejn. Qed jixli lil Dimech, li hija, bħala d-direttur responsabbli biex iddaħħal din ir-riforma, hija konfuża fuq dan is-suġġett. Kompla jgħid li l-istennija għal din il-liġi kienet kbira ħafna. Bonnici jkompli jgħid li Dimech qed tonqos f’dak li kien mistenni minnha.

Imma tal-LovinMalta dejjem ippretendew u ppridkaw li kulħadd għandu jagħmel il-kunflitti ta’ interess li jista’ jkollu pubbliku.

Li ma qalilniex l-editur, fl-attakk tiegħu fuq Dimech, jekk hu nnifsu għandux konflitt ta’ interess? Ħa nkun ċar ħafna fuq din. Ma’ artiklu bħal dan kont nistenna li jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara u jagħmel dikjarazzjoni u jgħid jekk għandux xi konflitt ta’ interess jew le.

Kieku dan l-artiklu ktibtu jien, kont ngħid ċara l-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri jekk jien nieħux il-kannabis jew impejjipx il-ħaxixa jew le. F’ħajti qatt ma pejjiptha. Mela jien wieħed minn dawk li min-natura tiegħi, ma tantx ser ikun favorevoli għat-tixrid tal-ħaxixa għall-użu personali, għax nemmen li dak li mhux ta’ ġid għalija, ma rridx inwikkih lill-ħaddieħor.

Għalhekk mhux sewwa li editur – ta’ liema gazzetta jkun – joħroġ qatta’ bla ħabel kontra d-direttur tar-riforma dwar il-kannabis mingħajr ma jiddikjara jekk għandux xi interess personali jew le fuq din il-liġi jew jekk qattx pejjep il-ħaxixa jew le, jew għadux ipejjipha. Ovvjament, jekk ikun ipejjipha, dak li jkun qed jgħid jew jistaqsi, ser jagħmel differenza kbira u l-qarrej irid ikun avżat dwar dan.

Għalhekk, kont nistenna li l-editur tal-LovinMalta, fuq suġġett delikat bħal cannabis, jiddikjara dan b’mod ċar. Nifhem li jekk għandu interess personali hija biċċa privata tiegħu. Imma la darba qed jagħmel dawn it-tip ta’ mistoqsijiet lid-direttur ta’ din l-awtorita’, irid huwa stess ikun ċar u dirett, anki miegħu nnifsu.

ls-suġġett tal-ħaxixa huwa suġġett jaħraq ħafna. Hemm wisq interessi personali u għalhekk min jikteb fuq dan is-suġġett, hu min hu, irid ikun ċar ħafna jekk għandux konflitti ta’ interess jew le.

Fuq kollox hawn qed nitkellmu fuq sustanzi li madwarhom għad għandna linja fina ħafna bejn dak li hu legali u dak li mhux.

Għalhekk l-affarijiet għandhom jingħaddu b’mod ċar, bi kliem ta’ iwa, iwa u le, le (Mattew 5.37). Fuq suġġett bħal kannabis, hu importanti li l-karti ta’ kulħadd ikunu kollha fuq il-mejda.

One thought on “L-editur ta’ Loving Malta għandu jiddikkjara jekk għandux konflitt ta’ interess fuq il-Cannabis jew le.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *