Għaliex fuq NET programmi favur il-protezzjoni tal-għasafar u favur il-ħajja fil-ġuf le?

Newsbook tawna l-aħbar li Nathaniel Attard ser jirritorna fuq Net TV bi programm ġdid bl-isem ta’ ‘Naturalment’. Aħbar sabiħa anke jekk ma ħadnihiex minn NET TV li tiegħu Nathaniel Attard serva bħala Kap tal-Aħbarijiet. Forsi xi ħadd fl-Istamperija qed jiddejjaq ifakkar kemm tawh bis-sieq lil Nathaniel Attard fl-imgħoddi minkejja x-xogħol kbir li wettaq b’sagrifiċċji kbar.

Insomma mhux dan il-punt ta’ dan l-artiklu. Il-programm li se jippreżenta Nathaniel Attard mhux politiku, kif imdorrijin narawh jagħmel b’abilita’ kbira. Minflok tawh programm fuq l-ambjent. Issa Nathaniel Attard huwa l-Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Birdlife Malta. B’hekk anki jekk ma jridx jew mhux minnu, NET ser jidher li ta programm lill-NGO li hija favur l-għasafar u kontra l-kaċċa. Sa hawn ma għamel xejn ħażin. Anzi għalija din hija inizjattiva ta’ min ifaħħarha.

Imma wieħed jistaqsi għala il-Partit Nazzjonalista ma jagħtix programmi simili lil xi NGO li tikkumbatti favur il-ħajja tat-trabi fil-ġuf u kontra l-abort? Dawn bilkemm jissemmgħu fil-Partit Nazzjonalista. Ma nagħmlux mod li l-PN qed jibża’ li jekk jagħti xi programm li xi NGO favur il-ħajja taqbeż xi Claudette Buttigieg jew Martina Caruana u joġġezzjonaw!

Bħalma ġara fl-Ewropa, issa anke fil-PN, għasfur sar għandhom valur imma tarbija fil-ġuf ma għandhiex l-istess valur.

Punt ieħor li jrid jitqajjem hu, jekk f’dan il-programm Nathaniel Attard hux se jkun qed jieħu l-veduti tal-kaċċaturi.

Għax fost dawn hemm minnhom li huma Nazzjonalisti. Nispera li ma nerġgħux naraw xi waħda, li issa mdorrijin biha għax saret sinonimu mal-Partit Nazzjonalista jiġifieri f’jum minnhom ikollna programm tal-Birdlife jew kontra il-kaċċa u f’jum ieħor programm tal-FKNK, biex huma jkollhom il-vuċi tagħhom fuq NET TV, waqt li l-Partit Nazzjonalista jitbandal ‘l hemm u ‘l hawn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *