The Times jiktbu editorjal dwar l-innu Malti u ma jagħtux il-fatti storiċi sew għala nkiteb.
Il-ġurnalisti tal-Woke ta’ The Times issa anki qed jagħtihom f’għajnhom l-innu Malti u jridu jbiddluh. Kif qallhom tajjeb xi ħadd, jekk hemm xi ħaġa li għandna nbiddlu hija li Malta tagħna ma għadhiex l-art ħelwa imma saret l-art tal-konkrit!
Ovvjament lil ta’ The Times qed iddejjaqhom il-fatt li dan l-innu hu talba lil Alla. Din ma jgħiduhiex direttament imma jsemmu l-fatt li fih hemm ‘agħti kbir Alla d-dehen lil min jaħkimha’.
Għall-inqas, qalbu jaħkimha tajjeb għall-Ingliż jiġifieri “to rule her”, jiġifieri Malta. Fil-Malti baqa’ n-nom ħakem li jfisser xi ħadd li qed jiggverna. Illum, dan sar ekwivalenti għall-prim ministru. Din kienet struttura ta’ tmexxija li ħallewna l-Għarab meta ggverna Malta bejn 1054-1091.
Meta kiteb dan l-innu Dun Karm, bil-kelma jaħkimha kien qed jifhem kollox. Fl-Għarbi, din hija kelma newtra li tfisser tiggverna. B’hekk Dun Karm ma kienx biss qed jifhem il-koloniżżatur Ingliż, kif qal l-editorjal, imma anki l-Gvern Malti. Xi ħaġa li l-woke ta’ The Times insew, li dan il-kliem inkiteb fi żmien is-self-government, jiġifieri meta l-Maltin ngħataw iċ-ċans mill-Ingliżi li jiggvernaw lilhom infushom u jkollna l-ewwel prim ministru Malti bħala l-‘ħakem’ tal-gzira.
Infatti dan l-innu nkiteb eżatt sena wara li ngħatajna s-self-government jiġifieri 1922. Hu ċar li Dun Karm kiteb dawk il-kliem għaliex f’moħħu kellu anki l-Maltin u mhux biss l-Ingliżi, bħala dawk li qed imexxu lill-pajjiżna. U x’hemm ħażin milli wieħed jitlob ‘l Alla jagħti d-dehen lill-prim ministru ta’ pajjiżu – hu min hu – ħalli jagħraf jiggverna sewwa? Taf x’naf, li Dun Karm kiteb innu li fih uża biss kliem Għarbi jew aħjar semitiku. Ara fuq dan il-fatt ma qal xejn l-editorjal ta’ The Times!
Mela fil-ħsieb tal-poeta ma hemmx biss l-Ingliżi imma anki l-Maltin. Infakkar li dan l-innu kien ħa post innu ieħor li b’mod mhux offiċjali kien jitqies bħala l-innu Nazzjonali ta’ Malta, dak ta’ Gian Anton Vassallo, Int Sabiħa Malta Tagħna, mhux għax Malti infakkrek jien.
Fuq kollox irid jingħad li hemm storja twila wara dan il-ħsieb biex jinbidel dan l-innu. Wieħed minn ta’ l-ewwel li kien ħareġ biha li jinbidel dan il-kliem (u ma kellux raġun) kien Anton Buttigieg, fi żmien il-gvern Laburista tal-imgħoddi.
Il-ġurnalisti jridu jieqfu jattakkaw dak kollu li għamilna Maltin – inkluża l-innu Nazzjonali.
