Snin ta’ konflitti interni fil-PN wasslu biex illum, il-Partit Nazzjonalista kull ma hu kapaċi jagħmel huwa li jorganizza ‘mass meeting’ fuq bankina.

Minn osservatur politiku

Issa ilna għexieren ta’ snin nassoċċjaw l-Indipendenza mal-Partit Nazzjonalista. F’dawn is-snin kollha dan il-Partit iċċelebra l-festi tal-Indipendenza b’pompa kbira u bl-aħjar mod possibbli. Il-fosos tal-Furjana saru sinonomi ma’ dawn il-festi kbar li dejjem organizza l-Partit Nazzjonalista.

L-aħħar meeting tal-kampanja elettorali tal-2017 li kien sar fuq il-fosos, kien wera li l-Partit Nazzjonalista kellu numru sostanzjali ta’ sostenituri. Imma xorta l-partit tilef b’numru akbar minn dak tal-2013. Nistgħu nikkonkludu li dak kien l-aħħar mass meeting li wera kemm verament meta msejjħa mill-partit, il-partitarji jiffrekwentaw dawn l-attivitajiet.

Iżda wara t-telfa elettorali ta’ 2017, il-Partit Nazzjonalista ġie maħkum minn nies li ħassew li l-Partit hu tagħhom bi dritt u minn dak in-nhar l-istess Partit qabad it-triq tan-niżla li qatt ma ra bħala fl-istorja glorjuża tiegħu. Il-partitarji esperjenzaw tibdil fil-post fejn saru l-attivitajiet tal-festi tal-Indipendenza, darba l-Belt u darba oħra Tal-Pieta’. Iż-żewġ postijiet ma laqgħux fihom in-nies li s-soltu kienu jipparteċipaw fuq il-fosos. Wara l-2017 xi ħaġa qiesha ħonqot dawn il-festi b’tali mod li l-parteċipazzjoni naqset ħafna.

Biex tkompli tgħaxxaqha fi żmien tal-covid raw dawn il-festi jiġu kanċellati. Din is-sena l-Partit Nazzjonalista wasal fi stat tal-biki li jorganizza attivita’ fuq bankina ħdejn il-monument tal-Indipendenza.

Jidher ċar li t-tmexxija tal-Partit qatgħet qalba li terġa’ tiġbor il-folol li darba kienu jimlew il-fosos għal dawn il-festi. Din hi s-sitwazzjoni meskina li waqa’ fiha l-Partit Nazzjonalista. Jirriżulta ċar li dan kollu huwa t-tort tal-istess partit li ħalla klikkek ikissru fih u ma kienx kapaċi jieqaf lil dawn in-nies u jwaqqaf il-ħsara kbira li dawn l-istess nies għamlu fi ħdan l-istess partit.

Huwa tal-mistħija kif Partit bi storja glorjuża, jispiċċa jsejjaħ meeting fuq bankina limitata li żgur mhux ser tkun ta’ attrazzjoni għall-partitarji. Din hija sitwazzjoni sfurtunata għall-Partit Nazzjonalista. Ma hemmx skużi għal dan kollu għax it-tort huwa kollu tal-istess partit.

Snin ta’ konflitti interni dak li ġabu. Waslu lill-Partit f’sitwazzjoni diżastruża ta’ diviżżjonijiet kbar. Ħadd ma jista’ jassoċċja ruħu ma’ organizzazzjoni mifruda bħal din.

Għalhekk il-partitarji bierdu u ma għadhomx jattendu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *