Din ta’ tliet kwarti tal-kamra tad-deputati biex ikun appuntat xi ħadd mhix taħdem. Spiċċat arma f’idejn il-politiċi biex jappuntaw lin-nies tagħhom.
Minn osservatur politiku
Ġie rappurtat fuq il-mezzi tax-xandir li Bernard Grech akkuża lill-Prim Ministru li ċaħad it-tentattiv tiegħu biex jerġa’ jibda t-taħdidiet dwar in-nomini ta’ Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards. Hu kien qed jirrispondi mistoqsijiet fuq NET FM.
Dawn iż-żewġ pożizzjonijiet jinħtieġu maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi, jiġifieri jrid bil-fors jintlaħaq kunsens bejn iż-żewġ partiti rappreżentati fil-parlament.
Iżda l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni meta pruvaw jaqblu fuq isem ma setgħux joħorġu b’isem fuq xi ħadd li kienu ser ikunu kuntenti t-tnejn. Bernard Grech qed ikompli jgħid li għalkemm prova u kiteb lill-Prim Ministru, minn wara l-elezzjoni ‘l hawn ma saru ebda taħdidiet.
Fil-fatt Bernard Grech ġie rappurtat li qal li “il-problema hi li Robert Abela mhux qed ikellimni… Jien ktibtlu diversi drabi, u bagħatlu numru ta’ drabi, iżda ma weġibnix għal din l-aħħar sena.”
Dan ifisser li għalkemm l-Ombudsman għalaqlu t-terminu tiegħu f’Marzu 2021, ser ikollu jibqa’ hemm sakemm Abela u Grech jilħqu xi tip ta’ kunsens. Barra minn dan hemm il-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Istandards li ser jintemmlu t-terminu tiegħu fl-aħħar ta’ Settembru 2022.
Il-pajjiż veru jixraqlu l-aħjar, imma jekk ma jinstabx xi forma ta’ qbil fuq dawn iż-żewġ nomini kif qed jippretendi l-poplu Malti u Għawdxi li jkun hemm xi tentattivi li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jiġbdu ħabel wieħed għal ġid ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tefa’ dubji serji fuq il-Prim Ministru li donnu qed jonqos milli jagħti l-importanza neċessarja lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni x’qed jagħmel? Huwa minnu dak li qal il-Prim Ministru li l-Kap tal-Oppożizzjoni semma isem wieħed u jekk ma jsirx hu, mhu lest li jaqbel fuq ħadd?
Huwa minnu li l-Prim Ministru ressaq iżjed minn isem wieħed lill-Kap tal-Oppożizzjoni?
Għalhekk isiru dawn it-tentattivi u d-diskussjonijiet biex wieħed jipprova jsib kompromess. Mela huwa nutli li Bernard Grech jipprova joskura lill-Prim Ministru meta hu qed ikun rasu iebsa iżjed mill-istess Abela.
Ma tistax tmur għal taħdidiet b’isem wieħed u tippretendi li jew isir hu jew ma jsir ħadd. Dawn mhux negozjati imma logħob tat-tfal għax ma tistax tmur tiddiskuti b’ton ta’ impożizzjoni.
Fi kliem ieħor, din tal-maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-kamra biex jiġi appuntat xi ħadd qed turi li ma taħdimx għaliex spiċċa forma ta’ horse-trading, jiġifieri int tappunta lil min irrid jien president tar-repubblika u jien naċċetta li napponta li min tridu intom bħala ombudsman u kummissarju tal-istandards.
B’hekk din spiċċat arma f’idejn il-politiċi biex jappuntaw lin-nies tagħhom u mhux dawk li huma mitqiesha bħala serji.