Nuqqas ta’ ħeġġa fost il-kunsilliera tal-Kunsilli Lokali li jattendu laqgħa għada tal-Partit Nazzjonalista

Għada fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista ser issir laqgħa għall-kunsilliera kollha tal-Kunsilli Lokali. Din ser issir is-Sibt filgħodu u hija mniżżla bħala laqgħa mal-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Illum, lejlet il-laqgħa, il-kunsilliera qed jirċievu telefonati mid-Dar Ċentrali u qed jistaqsuhom jekk humiex ser jattendu għal din il-laqgħa. Mid-dehra ma tantx qed jintwera entużjażmu min-naħa tal-kunsilliera li jmorru d-Dar Ċentrali. Imma n-nies ta’ madwar Bernard Grech mhux qed iħossuhom komdi li jħallu lil kunsilliera fil-liberta jekk jattendux jew le. Qed isostnu li jkunu jafu x’rispons ser ikollhom minn qabel.

Jista’ jkun li diġa’ għaddew minn esperjenza li ma tantx għamlitilhom kuraġġ, bl-attendenza tal-kumitati distrettwali, laqgħa li saret f’dawn l-aħħar siegħat ukoll fid-Dar Ċentrali. L-entużjażmu min-naħa tas-sostenituri tal-partit ma tantx hu qawwi biex qed jagħmlu dawn l-isforzi ħalli jkun hemm attendenza diċenti għal dawn il-laqgħat.

Kif ilu jirraporta dan is-sit, il-Partit Nazzjonalista għaddej minn apatija kbira li diġa kienet tinħass qabel l-elezzjoni u li kompliet tiżdied wara l-elezzjoni ġenerali ta’ sit xhur ilu. Lanqas huwa ta’ kuraġġ għal partitarji Nazzjonalisti li meta pajjiżna għaddej minn nuqqasijiet kbar, anke min-naħa tal-Gvern, ikollok il-kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jisparixxi għal xahar sħiħ.

Ma tistax tħossok komdu li jkollox it-tmexxija tal-Partit nieqsa mid-doveri tagħha meta f’Malta għaddejjin minn sfidi nazzjonali kbar. Issa f’daqqa waħda għax waslet l-Indipendenza ejja ħa nagħmlu ftit laqgħat biex nuru li qed nagħmlu xi ħaġa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *