“Queen consort” tiġi bil-Malti “Ir-reġina sieħba” u mhux “ir-reġina konsorti”
Ir-Reġina Eliżabetta II kienet tat it-titlu ta’ ‘Queen Consort” lil Camilla Parker Bowles fil-mument li hija kienet ser tiġi nieqsa u t-tifel tagħha Karlu jsir re.
Fil-Malti, it-titlu ta’ Queen Consort ġie maqlub għar-“Reġina Konsorti”. Fil-verita’, l-espressjoni eżatta fil-Malti tiġi “Ir-Reġina Sieħba”. Jekk persuna ma jridx juża l-istat kostrutt jista’ jsejħilha wkoll “Mart ir-Re“.
Fil-verita’ wieħed jistaqsi għala Camilla qed tissejjaħ ir-Reġina Sieħba jew Queen Consort. Din tmur għall-istorja tal-Monarkija fl-Ingilterra.
L-ewwelnett il-kelma “consort” ġejja mill-Franċiż u bħal ma wieħed jaf, l-Ingilterra għandha tradizzjoni Franċiża li tmur għal Guljermu l-ewwel, li kien Normann u rebaħ il-kuruna tal-Ingilterra. Waqt li “consort” hija ta’ oriġini Latina, kienet fit-tradizzjoni Franċiża li matul il-Medju Evu, din il-kelma bdiet tintuża fi Franza speċifikament biex tfisser il-mara tar-re.
Issa fil-monarkija Ingliża din ħadet sinifikat speċifiku. Għala Camilla, qed tissejjaħ ir-Reġina Sieħba u mhux ser tkun imsejħa reġina jew sultana. Għala qed tkun kwalifikata bħala l-mara tar-re jew mart ir-re?
Din għandha spjegazzjoni storika. Fl-Ingilterra, kontra dak li kien jiġri f’ċertu partijiet tal-kontinent Ewropew, primarjament fi Franza, mara setgħet issir reġina mingħajr il-bżonn tar-re. Fi Franza, dan qatt ma kien possibbli. Mara qatt ma setgħet issir reġina mingħajr ir-re.
L-ewwel waħda li affirmat dan id-dritt fil-Ingilterra kien il-Kattolika Marija – bint Neriku VIII – li fl-istorja tal-Ingilterra tniżżlet bħala Bloody Mary. Kienet Marija li affirmat id-dritt biex mara tista’ tilħaq reġina mingħajr il-bżonn ta’ raġel, u fuq kollox, anki jekk hija tiżżewweġ, hija tibqa’ s-sovrana u mhux ir-raġel tagħha.
Infatti, Marija żżewġet lir-Re Filippu II ta’ Spanja u Filippu II qatt ma sar ir-re tal-Ingilterra. Fl-Ingilterra Filippu II kien biss ir-raġel tar-reġina jew Ir-Re sieħeb jew żewġt ir-Reġina. B’hekk Filippu II baqa’ biss re ta’ Spanja. Fil-każ ta’ Filippu II, Marija ma tagħtu l-ebda titlu partikolari għaliex huwa, ġa kellu t-titlu ta’ re, imma qatt ma ġie magħruf bħala r-re tal-Ingilterra jew b’mod uffiċjali r-Re sieħeb.
Din narawha tirrepeti ruħha ma’ Vittoria. Vittoria ħadet it-tron anki jekk kienet mara. Hija żżewġet lil Albert. Dan ma kienx re, u meta żżewweġ lil Vittoria huwa qatt ma sar re. Baqa’ biss jissejjaħ prinċep u mill-1857, huwa ngħata t-titlu ta’ “prince consort” jew “il-prinċep sieħeb”. Dan ingħatalu biex fis-sistema aristokratika, huwa bħala r-raġel tar-reġina, jingħata d-dritti u l-preċedenzi u ma jitqiesx inqas min-nobbli oħra.
Qabel ma ingħata dan it-titlu, it-titlu li kellu kien dak ta’ The Royal Highness li fil-Malti għamilnieha l-Altezza r-Rjali.
Castagna, li kien kontemporanju tar-reġina Victoria u ta’ dawn l-avveniment, jiġifieri ta’ meta r-Reġina Vittoria lil Albert isejjaħlu biex prinċep. Imma l-espressjoni ta’ Prince Consort fil-Malti jagħti Ġuże’ Aquilina fid-dizzjunarju tiegħu. Huwa jaqbel dan it-titlu bħala “il-Prinċep Sieħeb”.

L-istess ġara fil-każ ta’ Eliżabetta II. Hija kienet iżżewġet lil Philip meta kienet għadha prinċipessa. Meta Eliżabetta saret reġina, wara l-mewt ta’ missierha, Ġorġ VI, Philip qatt ma ngħata it-titlu ta’ re, imma beda jissejjaħ il-prinċep Filippu.
Fil-każ ta’ Camilla, din ingħatat it-titlu ta’ reġina imma qed ikun speċifikat fl-Inġliż, li hija qed tissejjaħ Mart ir-Re, jew Queen Consort għaliex fl-ingilterra, it-titlu ta’ reġina jfisser id-dritt ta’ mara li tmexxi. Fuq kollox, bħal ma ġara fil-każ tal-Prinċep Albert, hija ngħatat dan it-titlu biex l-artistokrazija Ingliża ma jħarsux lejha b’mod ikrah.
U hawn fejn l-Ingilterra, f’dik li hija sistema monarkika, hija differenti, kif spjegajt qabel minn dik użata minn numru ta’ monarkiji fil-kontinent, fuq quddiemnett Franza. Fi Franza, il-monarkija kienet ssegwi dik li tissejjaħ il-Liġi Salika. Dan kien ifisser li l-mexxej jew aħjar it-tron ried dejjem jintiret minn raġel u qatt minn mara. Mela jekk re jkollu biss nisa leġittimi, dawn ma jieħdux it-tron, u t-tron imur għand ħuh jew t-tfal ta’ ħuh. B’hekk il-prim kuġin tar-re kellu rowl kbir fil-monarika. Dan kien isir biex fi Franza jkun evitat li jiġi u jsir re persuna li mhix Franċiża.
Is-sistema Salika kienet tassigura li l-mexxej tas-saltna ikun dejjem Franċiż. B’hekk l-ebda raġel barrani ma seta’ jiżżewweġ reġina u jsir ir-re ta’ Franza. Fis-sistema Salika, it-titlu ta’ re dejjem kien ġie mitqies bħala superjuri għat-titlu ta’ reġina. Kif evolvew l-affarijiet ġewwa l-Ingilterra, it-titlu ta’ re u dak ta’ reġina ġew issa żewġ titli politikament ugwali u t-titlu ta’ re qatt ma jista’ jitqies politikament superjuri fuq it-titlu l-ieħor ta’ reġina. Kemm jekk persuna jkollha titlu ta’ re jew dak ta’ reġina dawn iġorru l-istess saħħa politika u t-titlu ta’ reġina ma hux mitqies inqas jew titlu sottomess għat-titlu tar-re kif kien fis-sistema Salika li kellha Franza fost l-oħrajn. Tant hu hekk li r-Reġina Elisabetta II kienet tuża l-kuruna li kien juża missierha u mhux kuruna li normalment hija assoċjata ma’ dik tar-reġina.