Where your opinion counts

L-għoli tal-ħajja

Minn osservatur politiku

Bħal Marica Micallef, anki jien nixtieq nemfasizza li dak li qed jiġi ppubblika f’dan il-blogg dwar l-għoli tal-ħajja għandna nagħtu kasu. Nifhem li għal xi uħud, din tinħass bħala kritika lill-Gvern preżenti. Imma dan il-gvern, bħal kull gvern ieħor, irid oppożizzjoni u f’mument fejn oppożizzjoni ma hemmx, hu importanti li ċ-ċittadini bħal Marica Micallef isemmgħu leħinhom għaliex l-għoli tal-ħajja qed jagħfas fuq kulħadd, speċjalment fuq il-fqir, dawk fuq ix-xiefer ta’ faqar u fuq il-pensjonanti.

Iż-żieda fil-prezzijiet hija realta’ u qed taffettwa diversi nies li jaqgħu f’dawn il-kategoriji. U dan minħabba l-fatt li l-iktar li qed jogħlew huma l-affarijet bażiċi u essenzjali. Din il-kwistjoni qed tingħata importanza kbira mid-diversi djar tal-aħbarijiet li għandna f’pajjiżna u hekk għandu jkun.

Hemm bżonn li nkomplu ntabbru fuq dawn ir-realtajiet biex l-awtoritajiet konċernati jagħtu każ dan il-fenominu.

F’pajjiżna jeżistu eluf li qed jispiċċaw daharhom mal-ħajt. Tant hu hekk li għandna konferma minn entitajiet u organizzazzjonijiet li jgħinu lil dawn in-nies li d-domanda qed tiżdied aktar ma jgħaddu l-ġranet.

Hemm żieda sostanzjali f’familji li qed jersqu lejn dawn l-organizzazzjonijiet biex jiġu mgħejjuna saħansitra biex jieklu jew jitrejqu. Mhux biss emigranti u barranin qed ifixxu l-għajnuna ta’ food banks imma anki familji Maltin. Eżempju ċar hu x-xogħol siewi li qed jagħmlu dawk risponsabbli mill-Knisja tal-Iskoċċiżi fil-Belt Valletta.

Qrajna fuq il-mezzi tax-xandir messaġġi min-nies li jmexxu dawn l-organizzazzjonijiet li s-sitwazzjoni mhux ġejja għall-aħjar imma, għall-kuntrarju, il-problemi qed jiżdiedu u qed jinfirxu ma iżjed familji jew individwi. Dawn l-organizzazzjonijiet imissu ta’ kuljum din ir-realta’ u huma dawn li jistgħu jaqraw l-aħjar is-sitwazzjoni kurrenti f’pajjiżna.

Qed jgħidulna li l-Maltin li qed jirrikorru għall-għajnuna qed jiżdiedu. Il-problema prinċipali li qed jaffrontaw dawn l-organizzazzjonijiet, flimkien ma’ food banks u saħansitra parroċċi, hija li l-ikliet li jippreparaw biex jitqassmu qed jiġu jiswew ħafna iżjed iktar ma jgħaddi ż-żmien.

Il-faqar żdied. Aktar individwi u familji qed jispiċċaw daharhom mal-ħajt. Għal min jaħseb li l-faqar qed jolqot biss lill-barranin sejjer żbaljat. Skond diversi diriġenti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jikkonfermaw li l-maġġoranza tan-nies li jersqu għall-għajnuna huma Maltin.

Dawn mhumiex ilaħħqu max-xirja tal-ikel, jixtru l-mediċina jew jħallsu l-kera. Hemm bżonn li l-Gvern jidħol għall-għajnuna lil dawn in-nies li sfortunatament jinsabu f’dawn is-sitwazzjonijiet. Ir-raġunijiet huma varji.

L-ewwel u qabel kollox hemm iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali.

It-tieni. Ħafna ma jistgħux jgħaddu mingħajr il-mediċini neċessarji li wkoll għolew ħafna.

It-tielet. Hemm ukoll il-fenomini reali li l-kirjiet fejn joqgħodu l-maġġoranza ta’ dawn in-nies qed jiżdiedu bla preċedent.

Dawn huma it-tliet raġunijiet prinċipali għaliex qed jiżdied il-faqar. Huma dawn it-tliet fenomini li qed jagħfsu fuq min qed ibati minn dħul baxx.

F’dawn iċ-ċirkustanzi li dejjem qed jagħfsu iżjed fuq eluf ta’ Maltin, x’qed jagħmel il-Gvern tal-ġurnata?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *