Dak li l-editorjal tal-Mument qal fir-rigward tal-Partit Laburista, jgħodd ukoll għall-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

L-editorjal tal-gazzetta l-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Settembru, kien fih, fost affarijet oħra, li l-PN irid jbiddel ir-rotta għan-niżla li qabad miexi fiha b’rankatura pajjiżna. L-editur fakkar li dan il-Gvern Labursta nbidel f’wieħed fejn m’għandux aktar minn fejn jaħrab. B’hekk dan il-gvern irid jagħmel il-kontijiet mal-poplu minkejja li l-istess gvern Laburista ta’ Robert Abela qed jipprova jtawwal u jipposponi milli jiffaċċja r-realtà.

Waqt li dak li qed jgħid l-editorjal tal-Mument huwa kollu minnu u tagħmel sew din il-gazzetta tattakka lill-partit fil-Gvern, imma fl-istess waqt, il-qagħda preżenti fil-PN tmewwet dan l-istess messaġġ minħabba li dan l-istess il-kliem, li l-editur qed juża għall-Partit Laburista, jista’ jiġi referut lill-Partit Nazzjonalista. L-editur qed jagħmel l-almu kollu tiegħu għall-ġid tal-partit tiegħu stess biex jipprova jżomm l-Oppożizzjoni fuq l-attakk politiku. Fuq kollox, għandu raġun l-editur jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid ibiddel ir-rotta għan-niżla li qabad pajjiżna.

Imma qabel jasal biex jagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista jrid l-ewwel jibdel ir-rotta tat-telf ta’ nies li ma għadhomx jaraw fih xi tip ta’ alternattiva għall-partit fil-Gvern. Apparti li tilef b’numri essaġerati fl-elezzjoni ġenerali, xorta baqa’ jitlef minn dawn in-nies wara l-istess elezzjoni. Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista ma jinbidilx jekk irid iwaqqaf din l-emoroġija ta’ sostenituri li qabad il-partit u li kompliet tikber minn meta Bernard Grech ħa t-tmexxija f’idejh?

L-editorjal kompla jgħidilna li l-Gvern inbidel f’wieħed li ma għandux aktar minn fejn jaħrab. U jekk jibdel dan id-diskors għall-Partit Nazzjonalista x’jikkonkludi l-qarrej? Fejn għandu minn fejn jaħrab il-Partit Nazzjonalista, partit li l-immaġini tiegħu qatt ma kienet fl-abbissi bħal ma hi llum?

Jaf l-editur li diversi partitarji tal-partit tant huma diżullużi li qed jitbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista bil-gzuz? Kif jista’ jgħid li l-Gvern ma għandux minn fejn jaħrab, meta huwa l-Partit Nazzjonalista li qed jiżvinta f’ammonti tant kbar li hemm min qed jantiċipa li ma jibqa’ xejn mill-Partit Nazzjonalista.

L-editur kompla jgħid li l-Gvern Laburista qed jipprova jtawwal u jipposponi milli jiffaċċja r-realta’. U meta ser jiffaċċja r-realta’ l-Partit Nazzjonalista? Dan il-partit fl-oppożizzjoni b’għemilu, qed itawwal u jipposponi deċiżjonijiet li jekk mhux ser joħodhom hemm ċans li jiżvinta għal kollox. Kemm ser idum jaħsibha l-Partit Nazzjonalista li jaqbad il-barri minn qrunu u jgħid, għax jaf, għaliex qiegħed f’din is-sitwazzjoni? Kemm ser idum jistenna biex jieħu r-riedni f’idejh u jerġa’ jibda jaħseb għalih innifsu?

Meta ser jitgħallem li iktar ma jħalli lill-oħrajn, u jaf min huma, jiddettawlu l-aġenda ma għandu ċans qatt li jieħu r-ruħ?

Wasal iż-żmien li l-partitarji jwaqqfu l-ħerba li qed iwettqu dawn l-individwi fil-Partit Nazzjonalista u b’konvinzjoni, il-partitarji jerġgħu jieħdu l-partit f’idejhom. B’Bernard Grech immexxi minn għaqdiet soċjali magħqudin mal-establishment, il-Partit Nazzjonalista mhu ser jirritorna qatt għaż-żminijiet ta’ glorja, kif nafuh għal għexieren ta’ snin. Jekk mhux ser jerġa’ jieħu l-kmand tat-tmexxija f’idejh u ma jħalli lil ħadd jikkmandah, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jerġa’ jirpilja.

Illum reġa’ hemm il-bżonn li titwaqqaf din l-emoroġija u terġa’ tinbena l-pożizzjoni tal-partit fuq sisien sodi. Sisien li l-ebda establishment, li ebda għaqda ma jirnexxielha therri. Dawn il-malinni hemm bżonn li jitwaqqfu u jkunu l-partitarji li jimxu fuq l-inizzjattivi li jieħu l-Partit Nazzjonalista, mhux bil-kontra.

L-editur tal-Mument jekk irid ikun realista, jrid jitkellem fuq il-partit tiegħu l-ewwel u jara li dan l-istess partit jerġa’ jieħu t-tmexxija vera f’idejh. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jiġi aktar ikkontrollat mill-ftit ta’ Repubblika magħqudin mal-klikka tal-establishment. Il-liberta’ li tant saħaq għaliha l-Partit Nazzjonalista fit-tmeninijiet hemm bżonn li joħodha lura bħala Partit politiku u jibda’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu mingħajr indħil minn ħadd.

One thought on “Dak li l-editorjal tal-Mument qal fir-rigward tal-Partit Laburista, jgħodd ukoll għall-Partit Nazzjonalista

  1. Il-problema hi li hadd m’ghandu kuragg idendel il gongoll ma’ Bernard Grech. Fi kwazi sentejn li ilu mexxej ghamel herba. Ried jsir kap u minflok uza din l kariga biex isahhah il partit uzaha biex jigwadanja hu. Ma jistax ikun nibqghu nsibu tort f’kull minn telaq mill-PN. Ma jistax ikun li kollha ghandhom tort. Il- fattur kommuni f’kull minn telaq hu Bernard Grech. Bernard Grech qatel lil PN. Kull ma jonqsu jidfnu. Iva posdibli hadd m’ghandu kuragg iwaqqfu?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *