Il-ħaddiem ma jistax ma jingħatax żieda mill-inqas ta’ 10 euro fil-ġimgħa.
Il-gazzetta L-Orizzont, f’dawn l-aħħar ġranet, qaltilna f’waħda mill-faċċati tagħha li “Għall-ħaddiema u l-pensjonanti €10 żieda mhix biżżejjed”. Naħseb li għandha raġun. U dan allavolja l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-għoli ta’ żjut u prezzijiet taċ-ċireali. Għalhekk il-gazzetta kompliet tgħid li allaħares l-ekonomija tal-pajjiż ma tibqax tiżdied għax il-pajjiż kollu jbati.
Il-pajjiż ser ikun kapaċi jżomm dawn id-deċiżjonijiet li ħa sakemm id-dħul tal-Gvern jibqa’ għaddej b’saħħtu u l-introjtu tal-Gvern jibqa’ jkun sod b’tali mod li ma jikbirx id-dejn. Dan ifisser li jekk ikun hemm l-investiment fl-ekonomija tal-pajjiż, ir-rota tibqa’ ddur u b’hekk jiżdied id-dħul tal-pajjiż. B’hekk biss il-Gvern ikun jista’ jżomm dan is-sussidju li qed jiswieh miljuni kbar ta’ euro. Imma jidher li l-investiment f’Malta llum aktar minn qatt qabel hu marbut mal-ġebla.
Għalhekk il-Gvern irid jinċentiva l-investiment aktar minn qatt qabel li jmur lilhinn mill-kostruzzjoni. Mela għandu jara x’jagħmel il-Gvern biex jaġevola iżjed lil dawk li qed iħarsu lejn Malta biex jinvestu hawnhekk. B’hekk biss il-pajjiż ikun qed jipproteġi mhux biss lill-poplu tiegħu imma anke is-sostenibilita’ tad-deċiżjonijiet iebsin li ser ikollu jieħu dan l-Gvern.
Biss il-gazzetta tkompli tgħidilna li l-ħaddiema diġa ħallsu dan l-għoli tal-ħajja matul ix-xhur li għaddew. Jiġifieri ż-żieda li ser tingħata fil-budget li ġej, diġa’ hija minfuqa mill-ħaddiema. Mela ż-żieda ta’ €10, jekk tiġi, tagħmel tajjeb għal spejjeż li diġa’ soffra l-ħaddiem. Ta’ min ifakkar li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja l-ħaddiem jibda jgawdiha fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla u allura l-istess ħaddiem ikun diġa soffra l-għoli tal-ħajja għal sena sħiħa.
Minħabba raġunijiet ovvji ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, jiġifieri tal-COLA, għandha tingħata sħiħa biex tilqa’ għaż-żidiet kollha li kellna s’issa u għal dak li jista’ jkollna sal-aħħar tas-sena li ninsabu fiha. Il-ħaddiem ikun qed jirċievi kumpens għal dawk l-ammonti li hu ikun diġa’ ħallas matul is-sena li qiegħdin fiha.
Il-problema hi li kull min qiegħed fuq paga baxxa u l-pensjonanti jħossu l-effett tal-għoli tal-ħajja ħafna aktar minn nies oħra. Fil-fatt dan ikun qed jagħfas fuqhom ħafna iżjed minn ħaddieħor. Dan għaliex għal dawn in-nies il-prezz tax-xirja żdied b’rata aktar għolja. Dawn in-nies jinsabu aktar esposti għall-prezzijiet tal-ikel li waħedhom żdiedu bi 11%.
Mela ser tkun biżżejjed iż-żieda ta’ €10 għal dawn in-nies? Aktarx li le u l-Gvern irid jaħseb għal xi kwalita’ ta’ mekkaniżmu differenti jew addizzjonali li jagħti żieda aktar għolja lill-ħaddiem bi dħul baxx u l-pensjonant.

Sewwa qed issostni!!!