Edwin Vassallo jgħid li ma baqax sustanza fil-politiċi tagħna

Minn osservatur politiku

Fl-artiklu tiegħu tal-bieraħ il-Ħadd fil-Mument, Edwin Vassallo iddikjara hekk:

Ma baqax sustanza u għalhekk m’hemmx direzzjoni. M’hemmx sustanza għaliex m’hemmx viżjoni. F’nuqqas ta’ viżjoni hemm vojt ta’ ħsieb. Hemm preżenza ta’ politici, hemm dehra, tara r-ritratti tal-politici fuq facebook, iżda m’hemmx ħsieb. Dan kollu għaliex m’hemmx valuri u l-faqar mill-valuri huwa agħar mill-faqar tal-flus”.

Din hija dikjarazzjoni li ġġagħlek taħseb u tirrifletti fuq il-politika moderna tas-snin riċenti. Għax jekk immorru fi żmien Mintoff u Fenech Adami nsibu li l-partiti politiċi kienu jiddikjaraw politika diversa minn xulxin.

Fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet, il-partiti l-kbar f’Malta kienu għadhom marbuta mal-ideoloġiji li kienu iħaddnu. Il-Labour kien ixerred kliemu billi kien juri li hu partit soċjalista u tal-ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista kien jiddikjara mingħajr ħafna titubazzjoni li hu kien partit demokristjan.

Imma mal-bidla tat-tmexxija ż-żewġ partiti bdew iċaqalqu l-ideoloġiji tagħhom. Iż-żewġ partiti bdew jitilqu kollox warajhom biex isiru partiti moderni u għalhekk l-ideoloġiji taż-żewġ partiti bdew jiżżarmaw.

Gonzi u Sant ċaqilqu l-lasti tal-logħba u bdew iħaddnu politika moderna differenti minn dik tal-mexxejja ta’ qabilhom. Joseph Muscat beda jħaddan politika differenti u l-valuri tiegħu tbiddlu anki minn dawk ta’ Alfred Sant. Imma la Muscat kien qed jirbaħ l-elezzjonjiet kulħadd aċċetta s-sitwazzjoni. Ħadd ma beda jistaqsi dwar in-nuqqas ta’ ċerti valuri. Ħadd ma staqsa jekk il-Labour kienx għadu Partit Soċjalista.

L-istess għamel il-Partit Nazzjonalista li fi żmien Simon Busuttil. Il-Partit tal-Lejber sar il-mudell għal Simon Busuttil. Saħansitra, nbidel l-istatut u tnaqqset ir-riferenza lejn il-familja li kienet fl-istatut preċedenti.

Il-Labour spiċċa isejjaħ lilu nnifsu progressiv. Il-Partit Nazzjonalista beda’ jimitah għax ħaseb li b’hekk biss jista’ jirbaħ.

Illum spiċċajna tistaqsi x’inhi d-differenza bejn il-partiti politiċi l-kbar? Saru jixxiebħu u jaqblu ma xulxin fl-ideoloġiji tagħhom. Għaddejjien minn żmien fejn għandna faqar ta’ valuri politiċi.

Il-valuri jibnuk kemm personalment kif ukoll politikament. Jekk titlef il-valuri titlef il-karattru. U meta titlef il-karattru dan itellfek il-viżjoni. Fil-fatt Vassallo jikteb hekk

jekk int tlift il-flus ma tlift xejn, jekk tlift minn saħħtek, tlift xi ħaġa, iżda jekk tlift il-karattru int tlift kollox”.

U bl-epoka politika moderna li għaddejjin minnha llum, wieħed irid jistaqsi x’għandu bżonn dan il-poplu tagħna u x’qed jistenna mill-politiċi?

Issa li donnu sirna nħaddnu politika bbażata fuq il-jien u l-flus, il-poplu tagħna jista’ jibqa’ mixi bla valuri umani?

Forsi wasal iż-żmien li l-partiti politiċi jibdew dixxerniment ta’ dawn il-valuri moderni u jaraw jekk verament hux qed iwasslu l-ġid mixtieq u mistenni mill-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *