Il-PN qed jistħi juri l-aġenda liberali tiegħu: jiċċensura l-partiċipazzjoni tad-diriġenti u d-deputati tiegħu f’pride parades

F’dawn l-aħħar jiem kellna pride parades kemm f’Malta u anki f’Għawdex. Fiż-żewġ okkazzjonijiet attendew deputati tal-Partit Nazzjonalista. Imma jidher li din il-parteċipazzjoni ma ntlaqgħetx tajjeb mill-partitarji tant li ttieħdet deċiżjoni biex ma jingħatawx wisq emfasi fuq dawn l-attivitajiet anki jekk fil-pride parade li saret f’Malta kien hemm anki t-tmexxija attwali tal-Partit Nazzjonalista. Claudette Buttigieg tellgħet saħansitra video li wara spiċċat biex tneħħa jew neħħietu.

Il-PN kellu rappreżentanza b’saħħitha fil-gay parade li saret il-Belt li kienet tinvolvi lil viċi-kap Dr Alex Perici Calascione, flimkien mas-segretarju ġenerali Michael Piccinino u l-onorevoli Claudette Buttiġieġ u Graziela Attard Previ. Dawn dehru wara banner jew streamer bil-kliem miktuba Partit Nazzjonalista.

Waqt li huwa fatt li l-PN kellu rappreżentanza b’saħħitha, jidher iżda li xi ħadd ħa deċiżjoni li dan il-video bl-immaġni tal-parteċipazzjoni tal-PN f’din il-Pride Parade jitneħħa. Infatti, dan ma ġiex inkluż fir-reportaġġ li sar ta’ din l-attivita’ fuq NET News.

F’din l-immaġni kienet tidher l-Onor Claudette Buttigieg kburija bil-parteċipazzjoni tagħha wara l-istreamer tal-Partit Nazzjonalista. Imma mill-istamperija xi ħadd ħa deċiżjonijiet li din il-parteċipazzjoni ma tkunx minfuħa ħafna tant li ma ġabuhiex tidher fir-reportaġġ li sar ta’ din l-attivita’.

Mela min-naħa, għandna l-liberali fil-PN li qed jimbuttaw bidliet kbar biex jibdlu lil dan il-partit konservattiv f’partit liberali. Imma min-naħa l-oħra, dawn jafu li l-bażi mhux magħhom u l-futur jinsab in-naħa l-oħra.

L-argument tal-liberali huwa kif jgħidu l-Ingliżi “if you can’t beat them join them“. Huma qed jaħsbu li biex terbaħ l-elezzjoni trid issir liberali. U aktar ma jsiru liberali, aktar qed jitilfu voti.

Li tkun konservattiv ma jfissirx li ma għandekx rispett lejn l-orjentazzjoni sesswali. Dan ir-rispett għandu jkun dejjem hemm. U dejjem kien hemm. Dejjem għandu jkun hemm rispett lejn kull orjentazzjoni sesswali u lejn kull opinjoni differenti u kulħadd għandu jkun stmat l-istess. Infakkar li wieħed mill-ikbar ħassieba konservattivi li hemm illum fl-Ingilterra, huwa l-istoriku Ingliż David Starkey li huwa omosesswali.

Imma dan ma jfissirx li wieħed jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq jew imexxi aġendi li ma huma ser iwasslu mkien. Anzi aktar ħsara milli ġid qed issir lejn l-orjentazzjoni tal-ġeneru.

Issa l-PN kixef min tassew hu fit-tmexxija ta’ dan il-partit. Din il-bidla strateġika qed issir biex il-PN jirbaħ il-voti u għalhekk qiegħed jimxi din il-mixja, iżda fil-verita’ din d-deċiżjoni lill-PN qed tiswilu ħafna telf ta’ voti wkoll. U jidher ċar li din id-deċiżjoni biex din il-parteċipazzjoni tkun scaled down tikkonferma dan kollu.

Kull ma jmur il-PN qiegħed jinsa min hu u jinbidel biex jixbaħ lill-avversarju tiegħu, il-PL. Il-PN qiegħed jikkonferma li huwa kopja tal-PL u ma huwa oriġinali f’xejn. Il-problema tinħoloq meta l-politika titlef il-konsistenza tagħha. Meta jiġri hekk, il-politika ma tkun tista tagħtik xejn aktar u ma jibqa’ fiha l-ebda valur.

Dak li qed jiġri fl-Ewropa jikkonferma dan. Il-mixja tal-partiti konservattivi – li l-liberali qed isejħulhom tal-EXTREME RIGHT – tikkonferma dan kollu. Verament il-perli qegħdin f’ħalq il-ħnieżer għaliex il-PN kien fuq in-naħa li llum qed tirbaħ fl-Ewropa biex mar fuq xaqliba li kull ma jmur qed titlef il-poter tagħha.

Il-futur għad jurina jekk id-deċiżjonijiet li qed jieħu l-PN biex jbiddel l-ethos tiegħu hux ser jagħmluh partit rebbieħ jew le.

Nispera li kull min qiegħed imexxi din l-istrateġija, qiegħed fit-triq tas-sewwa.

One thought on “Il-PN qed jistħi juri l-aġenda liberali tiegħu: jiċċensura l-partiċipazzjoni tad-diriġenti u d-deputati tiegħu f’pride parades

  1. As time passes , the PN apologists are becoming more and more nebulous … a reflection of the state of affairs in the party itself where its historical political datum has dissolved

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *