Għaliex xi salarji tal-aġenziji tal-Gvern huma kbar immens, u mbagħad il-poplu ilu b’pagi staġnati u mwaħħlin b’kolla li b’xejn ma taqlagħhom?

Minn Marica Micallef

Ħa nieħu spunt minn dak li kiteb Prof Simon Mercieca fil-blog imsemmi “Wasal żmien biex ċertu salarji tal-aġenziji tal-Gvern jkollhom capping: jekk il-gvern irid jissikka ċ-cintorin għandu jibda minnhom.”

Għax f’kull gvern Malti, huwa importanti li l-politiċi jmorru fuq it-televiżjoni jiftaħru li qegħdin hemm għall-poplu, li spiss jinfexx iċapċpilhom u jgħidilhom grazzi ta’ kulma jagħmlu miegħu. U hawn qed nirreferi sew għal min jara blu u kemm għal min jara aħmar. Pero’ huwa fatt li dejjem il-ħbieb tal-ħbieb li jgawdu l-iktar, u jekk għandek xi troxx jew inti pinnur, għid li xi ħaġa ħa tmissek ukoll.

Jekk inti ħaddiem, ċittadin bieżel li taqlagħha u tikolha, għid li mhu ħa jmissek xejn, ħlief forsi xi żieda miżera fil-budget li tagħmi u timla b’kuraġġ, sakemm tmur tixtri u ssib li l-affarijiet reġgħu gholew, affarijiet li ma kinux ġew imħabbra fl-ebda budget!

U ara ma jiġix xi ħadd jikkummenta li d-dawl jiġih irħis u li l-gvern ta’ Muscat għamel ħafna ġid. Jiena dal-ġid qatt ma ħassejtu. L-istess ħajja li kont ngħix qabel bqajt ngħix. Bl-istess loan. Bl-istess sagrifiċċji. Bl-istess budgeting. U jiena waħda li stinkajt u studjajt u bil-għaqal ħafna.

Għax fil-budget, dejjem jissemmew għajnuniet għall-familji Maltin u Għawdxin. Min hu ġuvni jew xebba bħali, ma jeżistix! Jgħidulek “għax inti ma jkollokx spejjeż daqs ta’ familja”. Iva u le, għax kull zokk li jinqala’ u kull pagament trid iġġorru inti u kollox irid joħroġ minn paga waħda. Wara kollox, wasalt fejn wasalt illum bl-għaqal u b’ħilti. Kapriċċi m’għandix ħlief li mmur ġirja kuljum u nagħmel ftit eżerċizzju d-dar b’xi aċċessorji li kont xtrajt. Qabel kont atleta prominenti. Imma llum ma naffordjax iktar l-ispejjeż li ġġib magħha d-dedikazzjoni sportiva. Għandi żewgt iklieb li nieħu ħsieb u nara li ma jonqoshom xejn, b’ ħafna sagrifiċċji min-naħa tiegħi. Huma ħolqien ukoll.

Konna ġejna mwiegħda li l-isptar San Frangisk ħa jkun bi ftit flus għal min ma jaffordjax iħallas spejjeż veterinarji jew li jieħu xi annimal abbandunat għall-kura. Kulħadd jaf x’ġara minn dil-wiegħda! U llum morru tkellmu ma’ santwarji li jgħidulek li huma mimlijin sa ruħ ommhom u li ħafna qed jirritornaw il-pets għax ma jaffordjawx iktar l-ispejjeż. Imma l-annimali m’għandhomx vot…

U kif qiegħda hawn, nixtieq insaqsi lill-gvern għaliex jiena rrid bilfors inħallas il-kera tal-ismart meter ma’ kull kont, għall-għomri, meta dan ġie mogħti lili [u lill-poplu] bla kunsens u firem!

Imma l-aqwa li mmorru nċapċpu. Nara l-anzjani tagħna jifirħu għax ingħataw żieda u ġo qalbi nitħassarhom u naħseb: mela taħdem u tistinka u tbati għomrok kollu, tħallas eluf f’taxxa u f’bolla u mbagħad tingħata pensjoni miżera li ġġebbed kemm iġġebbed fiha, bilkemm twasslek sal-bieb ta’ barra, aħseb u ara [jekk dejjem il-Mulej iselfek aktar snin wara l-65]. Imma għalihom, il-gvern ħaseb fihom u qed jagħmel il-ġid!

Minix qed ngħid li l-gvernijiet ma jagħmlux ġid. Alla ħares le. Imma trid tixtarr u tiżen kollox.

Spiss ġejt mgħajra li jiena nattakka l-gvern dwar il-pandemija tal-Covid-19 għax jiena Nazzjonalista. Meta mhuwiex il-każ. Jiena ġejja minn familja Laburista li l-gvern ma kellux skrupli biex jużaha u jeħodha fuq it-televixin ħalli tkun ta’ konfront għalija. Qas jistħi jidħol bejn il-familji wkoll, għall-fini tiegħu! U missieri wara qalli li ġie mġiegħel jgħid xi affarijiet – mexxewh minn imnieħru. Għax għall-missieri, il-gvern huwa salvatur. Għalija, Kristu biss huwa s-Salvatur. Nini nini li nitmexxa minn imnieħri.

Imma ma nagħtix każ. Il-verita` dejjem issaltan u jiena naf, b’konvinzjoni, li qiegħda man-naħa tal-verita`.

Għall-grazzja t’Alla, jiena kbirt nisma’, nara, u nixtarr. Minn dejjem kont inħaddem il-ħila tal-ħsieb. U lanqas li kieku kont Laburista, għandi dritt nikkritika lil dan il-gvern. Din il-mentalita` ta’ “ejjew naduraw lill-partit tagħna” trid tinqata’. Bil-kritika mmexxu pajjiż ‘l quddiem.

Nazzjonalista minix lanqas. U minix beħsiebni nħaddan l-ebda twemmin politiku.

Xi ngħidu għall-pagi tal-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin? Għaliex xi salarji tal-aġenziji tal-Gvern huma kbar immens, u mbagħad il-poplu ilu b’pagi staġnati u mwaħħlin b’kolla li b’xejn ma taqlagħhom? Morru agħtu titwila lis-sit tal-Jobsplus u lis-sit tal-gvern u taraw il-pagi offruta.

U dan jgħodd ukoll għal nies li stinkaw u studjaw, sakemm ma tkunx xi professjoni li timbuttak li tiċċarġja lin-nies kemm trid talli poġġew quddiemek għall-kwarta. Ara fuq hawn, il-gvern ma jidħolx jikkontrolla. Imma mbagħad jikkontrolla l-pagi tal-poplu fejn il-qligħ jidher.

B’hekk jiena nitkellem fuq l-“equity”. Tgħiduli allura skontok, kulħadd għandu jaqla’ l-istess paga? Le, żgur li le. Imma lanqas hu tajjeb li jkollok il-maġġoranza tan-nies li għadhom b’pagi li ma jirriflettux l-għoli tal-ħajja. Il-ħajja ilha tiżdied mid-disgħinijiet, u l-pagi baqgħu l-istess, ħlief dawk tal-ħbieb tal-ħbieb. U issa bl-inflazjoni, li ilni nwissi lill-poplu dwarha mill-2020, ħafna ħa jiftaqru.

Kemm ġejt mgħajra u mżebilħa! Ma jimpurtax. Ġie mgħajjar u mżeblaħ Kristu, ma niġix jien! Wara kollox, min jgħajjar u jżeblaħ, huwa hu li qed jaqa’ fil-baxx. I rise above that! Forsi n-nies xi darba jifhmu li jiena qiegħda hawn naqbeż għalihom, speċjalment għaż-żgħir u nagħtihom informazzjoni veritiera billi ngħinhom ukoll iħaddmu l-ħila tal-ħsieb.

Jiena rrid nara ġid imqassam bejn kulħadd l-istess, mhux spalpalpjar bl-addoċċ! U li l-onesta’ u l-bżulija tigi ppremjata.

Sew li min hu mejjet għall-qatra, u min hu mejjet fis-sakra?

Kemm jidħlu nies mingħajr il-kwalifiki meħtieġa u bla ebda interview fid-dipartimenti tal-gvern, skont il-proċedura?

U xi ngħidu għat-taxxa! Mela kull min jaqlagħha u jikolha u għandu l-paga tidher, jinqatagħlu sal-inqas one cent u allaħares ma jħallashiex, għax jiġi kkastigat jew saħansitra arrestat, u mbagħad nisimgħu bil-politiċi u businessmen sinjuri, li għandhom somom kbar x’jagħtu lid-dipartiment tat-taxxa!

Iż-żgħir iħallas taxxa b’perċentaġġ li għalija ma jagħmilx sens meta mqabbel ma’ min għandu l-belli liri għax dan xorta jibqa’ jfur bil-belli liri. Dik l-equity kollha! U għalhekk iż-żgħir jibqa’ jiekol mill-frak li jwaqqa’ s-sinjur.

Li kieku mit-taxxi li nħallsu, niġu ppremjati b’pajjiż nadif, b’ħafna spazji miftuħa u naturali [mhux minn dawk li jagħmina bihom il-gvern wara li jaqla’ kull siġra li jsib], u l-flus tal-poplu jiġu wżati b’mod għaqli, mhux biex noqogħdu naqtgħu ż-żigarelli għal xi monumenti li jiswew eluf, kieku għallinqas tħoss li mintix qed tiġi misruqa.

Ma jagħtix il-każ, li l-gvern, peress li qrajna li fil-budget li jmiss, mhux se jżid taxxi, qed jippretendi li nċapċaplu hux? Mela nħallsu taxxa fuq l-ikel, VAT, taxxa fuq meta tixtri propjeta`, taxxa fuq meta tikri, taxxa fuq meta tbigħ, taxxa fuq servizzi, dazju tas-sisa, dazju fuq l-importazzjoni, taxxa mill-paga li nbatu għaliha, taxxi ‘l hemm u taxxi ‘l hawn, u trid iżżid it-taxxi wkoll? Fil-każ intaxxa lil dawk li qed tagħtihom pagi fenomenali!

Għalhekk nixtieq insaqsi lill-gvern meta ħa jara li l-pagi tal-ħaddiema jiżdiedu, u jiżdiedu sew, għax la għandu biex jagħti salarji fenomenali lill-ħbieb tal-ħbieb tiegħu, għandu wkoll minn fejn iżid is-salarji tal-poplu!

2 thoughts on “Għaliex xi salarji tal-aġenziji tal-Gvern huma kbar immens, u mbagħad il-poplu ilu b’pagi staġnati u mwaħħlin b’kolla li b’xejn ma taqlagħhom?

  1. Din ma tafx li billi l-haddiema z-zghir minn dejjem fil-maggoranza, ma tistghax izzidu kemm trid? Din ma tafx li izjed ma zzidu z-zghir izjed ser jizdiedulu l-pizijiet fuqu, ghax jiehu kemm jiehu zieda, din dejjem ser tittiekel mill-gholi tal-oggetti, specjalment mahduma hawn? Din ma tafx li izjed ma tgholli l-pagi, izjed tonqos il-kompetitivita’ tal-pajjiz, u awtomatikament qieghda tipperikola l-hobza ta’ kuljum taghhom? Din taf li meta z-zghir jiehu z-zieda, ser ikun qieghed ikisser il-gradi kollha fil-pajjz u ggib kaos shih fl-istrutturi kollha tax-xoghol? Din taf li jekk taghti zieda liz-zghir, lil ta’ fuqu trid izzidu bi proporzjon ta’ li jiehu z-zghir, u skont il-ligi ndustrijali, tfisser li bilfors irid jiehu z-zieda? Din il-mara vera ma tafx kif jimxi pajjiz biex titkellem hekk.

    1. Sur Schembri, naf u bil-kif kif jimxi pajjiz u kif tinhadem l-ekonomija imma jiena minix qieghda biex naghti lectures fuq l-ekonomija jew ta’ suggett iehor. L-iskop huwa iehor. Il-punt tieghi f’dan il-blog, forsi huwa punt li harablek, hu li ghandna nies li jiehdu pagi fenomenali mill-Gvern, [aqra l-blog ta’ Profs Mercieca biex tara ghal-liema kazijiet qed nirreferu], filwaqt li l-maggoranza tal-poplu jibqa’ bic-cicri, li iktar ma jghaddi z-zmien, dac-cicri mhux qed iservu biex dal-povri nies ilahhqu mal-hajja. Mela allura hemm zbilanc kbir u li qed isehh bil-barka tal-gvern [ijiet]. Mela bl-argument tieghek ta’ kif suppost ghandha tinhadem l-ekonomija, mela allura lanqas dan-nies mhuma suppost jiehdu dal-pagi fenomenali, huk hekk? Halli tinzamm bilanc fl-ekonomija, mhux hekk? Fl-ebda mument ma ktibt li l-haddiem ghandu jizdied b’cifra bl-addocc imma li haddiem ghandu jinghata paga li tirrifletti l-gholi tal-hajja. Imma lanqas li bilkemm jizdied! Jekk thoss il-polz tan-nies, hafna nies jghidulek li mhux qed ilahhqu mal-hajja, u qed nirreferi ghal nies sincieri u bilghaqal. U rigward il-punt tieghek tal-kompetittivita: Mela l-pagi ma joghlewx halli l-kompetizzjoni tibqa’ timrah u allura jibqghu jbatu n-nies! U waqt li hafna kumpaniji qed jimirhu u jgawdu mill-kompetittivita’, il-haddiema mhux qed igawdu maghhom. Mela l-kompetittivita’ qed issahhah l-interprisi, imma l-haddiema mhux qed jissahhu. Nitkellem ma’ hafna nies li jahdmu f’kumpaniji privati [issa hawn qed immiss is-suggett tal-privat] u jghidulek li huma “under-staffed” u li huma mghassrin u bla nifs, filwaqt li mbaghad il-kumpaniji stess jirringrazzjawhom ghax ghamlu hafna miljuni qligh fis-sena! Mela issa, kif tibda tara aktar nies imissu mal-faqar, li snin ilu kellhom paga ta’ €1200 li kienet twassalhom x’imkien, u li llum din l-istess paga, li aktarx zdiedet b’mod mizeru, bilkemm isservihom, mur ghidilhom dak li ktibt, u tghidx kemm ihossuhom ahjar. Meta ha tifhmu li ahna kontrollati minn sistema ta’ kull natura, kemm jekk hi ekonomika, kemm jekk hi ta’ natura ohra, li lill-poplu thallih idur maghha go cirku vizzjuz! Ghalhekk nitolbok biex ma tiqafx ma’ dak li gejt mghallem imma li tidhol ftit aktar fil-fond lil hinn minn dak li gejt mghallem u lil hinn minn dak li nikteb jien.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *