Il-ġurnalisti ta’ NET TV irrabbjati għal Bernard Grech għall-mod kif sellem il-memorja ta’ Eliżabetta II
Ilbieraħ tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II. Il-media kollha madwar id-dinja tat din l-aħbar bi prominenza kbira. Bernard Grech, mill-caravan fejn qiegħed bħalissa, għamel użu mill-Facebook Page tiegħu biex jibgħat messaġġ ta’ kondoljanzi. Dan hu l-messaġġ li bagħat Bernard Grech.

Dan il-messaġġ ġab rabbja kbira fost il-ġurnalisti ta’ NET TV, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fil-kamra tal-aħbarijiet. Dak li rrabbja lil dawn il-ġurnalisti tan-Net TV ma kienx il-fatt li Bernard Grech bagħat messaġġ fejn fih sellem il-memorja tar-Reġina Eliżabetta II. Anzi dan ġie mfaħħar ħafna minnhom. Dak li rrabbjahom kien il-fatt, li meta bagħat dan il-messaġġ, Bernard Grech uża immaġini meħuda mill-media bl-Ingliż biex jakkumpanja lill-messaġġ tiegħu, meta l-ġurnalisti tan-NET ħadmu qattiegħ biex itellgħu servizz dwar il-mewt tar-reġina. B’hekk Bernard Grech seta’ faċilment uża immaġni ta’ dan is-servizz tal-ġurnalisti tan-NET biex jakkumpanja lill-messaġġ tiegħu. Minflok, Bernard Grech ipprefera wieħed tal-media barranija.
Bir-raġun, il-ġurnalisti tan-NET stennew li l-kap tal-Partit Nazzjonalista juża l-immaġini mis-servizz tagħhom u mhux minn dak tal-BBC biex jakkumpanja l-messaġġ nazzjonali li tella’ fuq Facebook. Dan kien is-servizz li ħejjew il-ġurnalisti tan-NET il-bieraħ.

Dan wassal biex l-istess ġurnalisti tan-NET bdew jgħidu kif jista’ l-poplu jara n-NET TV jew jagħmel share tal-programmi tiegħu meta l-kap tal-partit stess jippreferi juża rapport ta’ media barranija u mhux dik tiegħu biex isellem il-memorja tar-reġina? Hu ħaġa tajba li l-kap isellem lir-Reġina Eliżabetta. Pero’ ġie nnutat li l-kap tal-Partit Nazzjonalista qed jaqa’ u jqum mix-xogħol tal-ġurnalisti tiegħu u b’mod speċjali x-xogħol tal-ġurnalisti li jaħdmu fil-kamra tal-aħbarijiet. Kieku ma kienx hekk, komplew jistħqu l-ġurnalisti ta’ NET TV, kien juża ritratt tas-servizz tan-NET u mhux wieħed tal-BBC.
Bernard Grech irid iżomm f’moħħu li Charity begins at home. Jekk il-kap tal-partit ma jibdiex jagħmel share tas-servizzi li dawn il-ġurnalisti b’tant professjonalita’ u dedikazzjoni jħejju, kif wieħed jista’ jistenna, li dawn is-servizzi tal-ġurnalisti tan-NET, ikunu shared min-nies?
Verament ħasra!