Il-vera raġuni għala l-festi tal-Indipendenza mhux ser isiru għaliex jafu li n-nies ma jridux jattendu
Minn osservatur politiku
Ilbieraħ deher artiklu fuq dan is-sit dwar il-mod ħażin ta’ kif kien ġie ttratta Robert Arrigo mill-istess klikka li llum hemm wara Alex Perici Calascione. F’dan l-artiklu ssemma kemm kien ġie mżebblaħ Robert Arrigo talli ma kienx organizza l-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos ħalli l-Partit Nazzjonalista jifranka l-flus.
Issa għal darba oħra smajna permezz ta’ konferenza stampa mogħtija minn Alex Perici Calascione u Michael Piccinino li l-festi ta’ din s-sena tal-Indipendenza ser ikunu ridotti. Imma hawn nixtieq ngħid li ma naqbilx ma ċertu medja indipendenti fejn ġabu l-iskuża li l-Partit Nazzjonalista qed inaqqas il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet minħabba l-finanzi. La Perici Calascione u lanqas Piccinino ma għamlu ebda referenza lejn il-problemi finanzjarji li għandu l-Partit kif preżentat lill-poplu minn Bernard Grech eżatt wara l-elezzjoni ġenerali.
Mela la ma semmgħux dawn il-problemi, bil-fors li r-raġunijiet li tnaqqas b’mod drastiku l-programm huma oħrajn. Wieħed mill-ewwel jimmaġina li r-raġuni prinċipali għaliex mhux ser isiru ċertu attivitajiet hija l-biża ta’ preżentazzjoni fqira ta’ sostenituri. Jidher ċar li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista huma konxji li l-parteċipazzjoni ser tkun waħda fjakka u allura evitaw li juru din it-traġedja li għaddej minnha l-partit bħalissa.
Żgur li kulħadd jaf li fil-preżent il-Partit Nazzjonalista jinsab f’diżastru assolut u sfortunatament ma jidhirx li hemm wisq fejqan għalih bit-tmexxija li hemm preżenti. Dan huwa vot ta’ sfiduċja f’Bernard Grech stess. Il-partitarji tal-Partit Nazzjonalista draw f’dawn l-aħħar snin li jkollhom dibattiti jaħarqu fi żmien il-festi tal-Indipendenza. Kemm-il darba rajna l-kapijiet jaffrontaw ġurnalisti li żgur ma kienux iperpru l-bandiera tal-partit.
Fuq kollox dan rajnieh ukoll meta Bernard Grech affronta ġurnalist mill-ONE fl-aħħar ċelebrazzjonijet tas-sena l-oħra. Imma possibbli ma nstabx mod kif il-kap tal-partit jirrispondi għal dawn il-mistoqsijiet diffiċli li jistaqsu ġurnalisti ta’ fehma opposta. Anke dan ġie mċaħħad mill-partitarji tal-Partit Nazzjonalista. Taħt it-tinda ta’ fuq il-fosos dejjem kienet mimlija b’partitarji tal-partit jaraw lill-kap tagħhom jiġi bbumbardjat b’mistoqsijiet diffiċli u naraw il-kapaċita’ tal-istess kap fit-tweġibiet tiegħu.
Tgħid it-tmexxija tal-lum ma għandhomx fiduċja f’Bernard Grech u ma jriduhx jaffaċċja wiċċ‘mb wiċċ ġurnalisti diffiċli? Possibbli s-sitwazzjoni politika fil-partit hija tant ħażina li anke dawn il-mistoqsijiet qed jiġu evitati? Possibbli li Bernard Grech qed iħossu skomdu jiffaċċja ġurnalist mix-xaqliba tal-Partit fil-Gvern?
La kif diġa’ ntqal mhux problema finanzjarja għaliex ġie ridott il-programm tal-Indipendenza, allura wieħed bil-fors irid jifhem li hemm nuqqas ta’ tama min-naħa tat-tmexxija għal parteċipazzjoni tan-nies. Dan ma jistax jissejjaħ għaqal, għax l-għaqal jitlob bħalissa li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jersqu quddiem ġurnalisti diversi biex jirrispondu l-mistoqsijiet kollha neċessarji biex forsi dan l-istess Partit jibda juri xi kwalita’ ta’ viżjoni u twemmin.
Jekk il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-abbissi jridu ikunu l-uffiċċjali tiegħu biex jgħinuh jirpilja. Ma jistax ikun li dawn l-istess nies jistaħbew mill-medja fil-pajjiż. Ma jistax ikun li ħadd ma jlissen xejn għax kulħadd qed jibża li jkompli jsammar l-imsiemer fit-tebut tal-Partit Nazzjonalista