Il-protesta tal-bieraħ uriet li l-PN la jrid u lanqas jista’ jinfatam minn ma’ tar-Repubblika

Ilbieraħ saret il-protesta organizzata minn Repubblika, Occupy Justice u Manwel Delia. Numru ta’ deputati Nazzjonalisti kienu preżenti, inkluż il-viċi-kap attwali. Kulħadd għandu dritt jorganizza protesta u kulħadd liberu li jattendi.

Iżda huwa fatt magħruf illi l-atteġġjament tal-esponenti tar-Repubblika huwa dak li mhux biss jattakkaw l-argument u n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm, iżda wkoll lill-persuna. Fil-linja tal-attakk tagħhom bħalissa hemm il-Gvern u esponenti tiegħu, imma hemm ukoll esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista.

Fost dawk li hemm fil-mira tal-attakk kontinwu tagħhom, hemm id-deputati Joe Giglio u Alex Borg ta’ Għawdex. Fuq dan il-punt ġa ktibt fit-tul f’dan is-sit. Magħhom, issa qed jattakkaw anki lill-eks-deputat Nazzjonalista Dr Franco Debono.

Esponenti ta’ Repubblika saħansitra sejħu għar-riżenja ta’ Giglio u Borg. Huwa propju għal din ir-raġuni li, l-preżenza tal-Viċi-Kap Alex Perici Calsacione fil-protesta tal-bieraħ tikkomplika s-sitwazzjoni għall-PN. Sadanittant, il-kap tal-Partit Nazzjonalista għadu jdur bil-caravan x’imkien fl-Ewropa. Dan qed iwassal biex Nazzjonalisti stess qed juru t-tħassib tagħhom.

Dan minħabba li meta attivisti Nazzjonalisti jarawhom jipparteċipaw fil-protesti tagħhom, bilfors jaslu ghall-konklużjoni li dawn l-esponenti Nazzjonalisti m’humiex skomdi bl-attakki fuq sħabhom id-deputati. B’hekk fost dawk li jidhru li huma komdi li qed ikunu attakkat Joe Giglio u Alex Borg, insibu lil Mark Anthony Sammut u lil Graham Bencini, kandidati fuq l-istess distretti ta’ Joe Giglio. Dawn id-deputati Nazzjonalisti kienu għal din il-protesta tal-bieraħ.

Magħhom ta’ min iżid lil Beppe Fenech Adami u lil David Casa li taw imbuttatura għall-protesta tal-bieraħ fuq il-Facebook page tagħhom. Beppe Fenech Adami kien mgħejjun minn ħuh Michael Fenech Adami.

Il-verita’ hija li ċertu nies fit-tmexxija attwali tal-PN la jridu u lanqas jistgħu jinfatmu minn ma’ tar-Repubblika. Qed ngħid ċertu esponenti għaliex tar-Repubblika kkuntattjaw kemm ‘il deputat tal-Partit Nazzjonalista u anki eks-deputati u ħeġġuhom biex jattendu. Imma mhux kollha laqgħu din it-talba. Kien hemm min bagħathom jixxejru.

Dawk l-esponenti Nazzjonalisti li jattendu għall-attivitajiet tagħhom imorru għax jibżgħu li jxellfuha ma’ tar-Repubblika jew għandhom interessi personali. Fl-istess waqt, tar-Repubblika għandhom saħħa kbira fil-PN tant li ħatfu l-PN f’idejhom.

Il-PN ma jista’ qatt jimxi ‘l quddiem qabel ma jsir sid tiegħu nnifshu. Il-maġġoranza tal-poplu mhix komda bl-istil estremista tal-esponenti tar-Repubblika u anki jekk imxebbgħa minn dan il-gvern, mhux lesta tafda t-tmexxija lill-PN. L-elettorat jaf li, jekk il-PN jerġa’ jkun fil-Gvern, dawn it-talin se jkollhom saħħa enormi fil-Gvern.

B’dan f’moħħu, l-elettorat – u hawn qed nifhem ukoll numru ta’ Nazzjonalisti – mhux lesti jafdaw lill-partit tagħhom stess fil-gvern.

2 thoughts on “Il-protesta tal-bieraħ uriet li l-PN la jrid u lanqas jista’ jinfatam minn ma’ tar-Repubblika

  1. Shame on you. Little wonder you have zero credibility with all right thinking people. Obviously the rampant corruption doesn’t bother you. Huh!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *