Tal-PN jimbuttaw il-protesta tal-lejla ta’ Repubblika waqt li ma jitkellmu xejn dwar l-attivitajiet tal-Indipendenza
Minn osservatur politiku
Il-Partit Nazzjonalista għal qalbu jistinka biex il-partitarji tiegħu jattendu l-protesta organizzata minn Repubblika, Occupy Justice u Manuel Delia. Qalulna fuq il-mezzi tax-xandir tal-istess Partit biex ikun hemm parteċipazzjoni soda fid-dimostrazzjoni.
Għal kuntrarju s’issa għadhom ma ħarġu ebda dikjarazzjoni biex jenfasizzaw il-preżenza tal-partitarji fl-attivitajiet tal-Indipendenza. Fil-konferenza stampa qalulna biss x’ser ikun hemm organizzat. Forsi għalhekk qed jħeġġu lill-partitarji jattendu għax dan kollu missu qed jiġi organizzat mill-oppożizzjoni tal-pajjiż. Xogħol l-oppożizzjoni huwa li topponi għal dak kollu ħażin jew li jidher li qed isir ħażin mill-Gvern.
Imma jidher ċar li l-ħeġġa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hija fjakka għax lanqas f’sitwazzjonijiet bħal dawn ma jagħmlu ftit kuraġġ u jiġbru n-nies warajhom. Il-Partit Nazzjonalista qed iħalli l-logħob li suppost jilgħab hu, f’idejn għaqdiet mhux governattivi biex jipprotestaw huma. Il-Partit Nazzjonalista ma qalx li hu, bħala partit, ser ikun preżenti f’din id-dimostrazzjoni imma nispera li l-kuxjenza qed tniggeż lill-Partit Nazzjonalista talli mhu jorganizza xejn kontra dawn l-oxxenitajiet li qed insiru nafu bihom f’dawn l-aħħar siegħat.
Kien hemm konferma oħra ta’ kuntratt viljakk li ġie iffirmat bejn il-Gvern u l-Electrogas fuq l-enerġija. Dan waħdu kien biżżejjed biex iqajjem lill-partit fl-oppożizzjoni biex jipprotesta kontra din l-oxxenita. Imma l-Partit Nazzjonalista mhux iffokat, mhux moħħu hemm, il-kap tiegħu jinsab fuq vaganza twila, il-partit jidher iktar mifrud minn qatt qabel.
Hemm xenarju ieħor li jżomm lill-Partit Nazzjonalista li jaġixxi. Mhux ser ituhom ċans Repubblika. Dawn l-għaqdiet iridu l-palk għalihom, allavolja jaċċettaw partiti politiċi bħal ma aċċettaw lil ADPD. Imma żgur li l-President ta’ Repubblika mhux ser iħalli lill-Partit Nazzjonalista jisraqlu x-xena, issa li ġihom iċ-ċans li jiddimostraw fuq kuntratt jaħraq li għadu kif ġie imxandar.
Il-Partit Nazzjonalista, bit-tmexxija preżenti huwa sottomess għal Repubblika. Il-Partit ma jista’ jagħmel xejn jekk ma jkollux l-aċċettazzjoni ta’ Repubblika et al. Sfortunatament il-Partit Nazzjonalista wasal f’dan l-istat li ma jistax jaġixxi waħdu qabel jilħaq ftehim ma’ dawn l-għaqdiet non governattivi li kienu huma, fuq quddiem, li poġġew it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kif inhi llum.