Pajjiżna ma jistax jiddependi fuq l-panelli u l-imtieħen tar-riħ biex jipproduċi enerġija
Qed inġib din ir-reazzjoni li qrajt fuq Facebook għall-kumment li deher f’The Times dwar l-użu tas-solar panels. Dan hu kumment twil li kiteb John Spiteri Gingell wara li qara kumment fejn jgħid li Malta tista’ ssolvi l-problemi tal-enerġija tagħha billi żżid il-pannelli u l-imtieħen tar-riħ.
Taqra l-kummenti taħt dan l-artiklu ta’ The Times: https://timesofmalta.com/…/freeze-national-projects…, iħajrek tifqa’ moħħok mal-ħajt – jurik kemm hi perversiva l-influwenza tal-propaganda u kif il-maġġoranza tan-nies jemmnu kull ma jgħidulhom bħall-imzazen. Il-kriżi tal-enerġija fl-Ewropa hija fil-fatt TOTALMENT ħtija ta’ politika imposta mill-UE għal dawn l-aħħar għoxrin sena, li rat kif għamlet biex teqred il-provista tal-energija minn sorsi tradizzjonali tal-‘fossil fuels’ u meżżi oħra – żarmajna power sations nukleari, kif ukoll dawk jaħdmu bil-faħam u biż-żjut fit-tama fiergħa li tista’ ssostni ekonomija industrijalizzata bl-imtieħen tar-riħ u l-pannelli – huwa fil-fatt minħabba din il-politika maqtugħa mir-realta’ li sirna totalment dipendenti fuq il-gass – għax peress ‘l hekk imsejħa enerġija alternattiva MHIX u ma tista’ TKUN QATT dipendibbli – minħabba l-varjabilita’ tal-kundizzjonijiet metereoloġiċi – meta dawn jipproduċu ftit jew saħansitra xejn f’termini ta’ enerġija jkollna nagħmlu tajjeb bil-gass. Iżda issa tridu tifhmu li billi qatt ma nafu kemm ser jipproduċu enerġija l-imtieħen u l-pannelli, ma stajniex nikkalkulaw kemm irridu gass biex jagħmel tajjeb għal meta r-riħ ma jonfoħx u x-xemx ma tiddix fuq medda ta’ snin – u peress li minħabba fihom sirna nkapaċi li nagħmlu dan – min jipproduċi l-gass ma kienx lest jinvesti balla biljuni biex jżid il-produzzjoni meta ma jafx kemm il-konsumatur ser jixtri eżatt. Għalhekk żviluppa ‘l hekk imsejjaħ spot market – għalhekk is-suq tal-gass ivvarja tant fil-prezzijiet. Għalhekk issa ninsabu għarkupptejna – dan dovut biss għall-politiċi li b’irresponsabbilta’ kbira naqsu mid-dover tagħhom li jaddottaw politika ta’ enerġija sensibbli. Ejja ma noqgħodux inwaħħlu f’Putin — huma l-politiċi tagħna li jaħtu u jaħtu bil-kbir. Din il-problema xorta waħda kienet ser tisplodi xi mument jew ieħor – gwerra fl-Ukranja jew le – is-sanzjonijiet li AĦNA mponejna sempliċiment għamlet sitwazzjoni mwiergħa agħar. Li jħajjrek tifqa’ rasek mal-ħajt hu li donnu ma fhimna xejn – li minflok nitgħallmu mill-iżballji kapaċi biss nippersistu fihom – u għalhekk m’hemmx tama ta’ fejqan. Missirijietna abbandunaw u żarmaw l-imtieħen għax kienu jafu li ma stajtx tiddependi fuqhom – li jekk ridna navvanzaw ma stajniex noqgħodu nistennew ir-riħ jonfoħ u xi ħadd joħroġ jdoqq il-bronja biex nindunaw li nistgħu nitħnu l-qamħ. Il-bniedem tal-lum fil-punent jgħix ġo fantażija, jgħajjat li jrid dinja dikarboniżżata – u daqt tinqata’ xewqtu u ser ikun jaf xi tfisser li tgħix f’dinja bħal dik. Missirijietna almenu kienu mdorrija jgħixu fid-dlam – aħna m’aħniex – naraw issa kif ser inkampaw. Imma ngħid jien m’hemmx tama – għax la m’intx kapaċi tgħaraf il-kawża tal-problema aħseb u ara kemm ser tkun kapaċi ssolviha.
