Ta’ Repubblika nsew li Lawrence Gonzi kien għamel lil George Abela President għax ħabib tiegħu
Bħalissa għaddej attakk qawwi minn dawk ta’ Repubblika kontra Joe Giglio. Dan l-attakk kiber wara li Lovin Malta ppubblikat l-istorja li Joe Giglio kien ix-xhud ta’ Robert Abela fit-tieġ li kien sar fl-2008.
Dak li mhux qed jgħidu ta’ Repubblika li sena wara li Giglio deher bħala xhud għat-tieġ ta’ Robert Abela, Lawrence Gonzi kien għamel lil missier Robert Abela president ta’ Malta. Din kienet deċiżjoni personali li kien ħa Lawrence Gonzi meta għamel lill-ħabib tiegħu, George, president, anki jekk George Abela kien mill-kamp laburista.
Dak in-nhar, din id-deċiżjoni ma kienetx ġiet milqugħa tajjeb minn kulħadd fil-kamp Nazzjonalista, imma mbagħad spiċċa biex kulħadd baxxa rasu għad-deċiżjoni li kien ħa Lawerence Gonzi, anki jekk warajha hemm waħda mir-raġunijiet għala l-PN jinsab f’din il-kriżi li jinsab fiha llum.
Illum Lawrence Gonzi huwa wieħed minn dawk li qiegħed wara ta’ Repubblika u kien biċċa waħda magħhom fit-tneħħija ta’ Adrian Delia minn kap tal-PN.
Imma l-istorja ma tieqafx hawn. Joe Giglio ddefenda lilu nnifsu u qal li bħala politiku, il-pożizzjoni tiegħu u hawn ser nikkwota bl-Ingliż “‘rise above’ friendship”, jiġifieri li dak li jgħid politikament jmur ‘l fuq u lilhinn mill-ħbiberija li għandu ma’ Robert Abela. B’hekk dan il-fatt ta’ ħbiberija għandu jitqies irrelevanti fil-politika.
Imma anki hawn għandna problema. Infakkar li meta kien hemm il-każ ta’ Yorgen Fenech, politiċi li b’xi mod kienu ħbieb jew saru ħbieb miegħu bħal ma kienu Edward Zammit Lewis, Rosianne Cutajar u anki Adrian Delia fost l-oħrajn ġew attakkati minn ta’ Repubblika. Dak in-nhar, din il-ħbiberija ma tqisitx irrelevanti tant li dawn il-politiċi tilfu l-karriera tagħhom. Adrian Delia tkeċċa minn kap waqt li Zammit Lewis u Cutajar ma ġewx mogħtija ministeru. Cutajar anki kienet tneħħiet minn segretarju parlamentari.
Mela issa għandna l-istess strateġija li ntużat kontra dawn il-politiċi li qed tintuża kontra Joe Giglio. Dak li qed jiġri lil Joe Giglio jikkonferma kemm il-każ ta’ Yorgen Fenech intuża, bl-għajnuna tal-ġudikatura u l-pulizija biex jitkissru politiċi, u għalhekk jien nemmen, anzi ninsab konvint li għandna frame-up kontra Yorgen Fenech.
Issa l-istess strateġija qed tintuża kontra Giglio. Nispera li llum Giglio sar jemmen li jekk wieħed ikun ħabib ta’ xi ħadd, bħal ma kien sar Adrian Delia ma’ Yorgen Fenech, dan ma jfissirx li sar korrott jew kien fil-but tiegħu.
Nieħu gost li llum Joe Giglio sar jemmen li argumenti bħal dawn huma totalment irrelevanti.
Ħasra li ma kienx jemmen hekk meta kien qed ikun attakkat Adrian Delia u politiċi oħra fuq argumenti simili fil-passat.