Carm Mifsud Bonnici jgħid li issa hu l-mument li l-konservattivi isemmu leħinhom fil-Partit Nazzjonalista

Ilbieraħ il-Ħadd, Carm Mifsud Bonnici reġa’ tagħna artiklu ieħor minn tiegħu fil-Mument. F’dan l-artiklu, Mifsud Bonnici qed jagħmel kuraġġ lil dawk is-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista u jipprova jimlihom bil-kuraġġ biex iħarsu ’l quddiem. Mifsud Bonnici ma jemminx li huma ħafna dawk li abbandunaw il-politika it-tajba fil-preżent. Lanqas jemmen li l-linja it-tajba bħalissa hi li tabbanduna l-partit u l-ħajja pubblika. Imma mingħajr ma hu qed jgħidu, dan l-artiklu qiegħed jinqara bħala messaġġ ċar lill-konservattivi fil-Partit Nazzjonalista, li huma fil-maġġoranza biex jerġgħu jieħdu l-partit f’idejhom.

B’hekk Mifsud Bonnici qed jipprova, bil-ħsibijiet tiegħu, joħloq ftit kuraġġ lil dawk il-ħafna konservattivi li qatgħu qalbhom mill-Partit Nazzjonalista. Huwa jammetti li bħalissa mhux l-aqwa żmien għall-Partit Nazzjonalista. Jammetti wkoll li ttieħdu ħafna deċiżjonijiet li diversi sostenituri tal-partit ma qablux magħhom u għadhom ma jaqblux magħhom sal-lum. Dan biegħed il-vot konservattiv mill-Partit Nazzjonalista. Biss hemm bżonn li tinżamm ħajja l-parteċipazzjoni tal-konservattivi fl-attivita’ politika. Għal ġid tal-pajjiż, hemm bżonn li jkollna oppożizzjoni soda u vibranti ħalli tibqa’ ssostni fuq il-Gvern u turih fejn qed jiżbalja. Hemm bżonn ta’ oppożizzjoni li tkompli tipproponi u twassal ħsibijietha lill-partit fil-Gvern.

Mifsud Bonnici jkompli jsostni li aħna qed ngħixu f’demokrazija u għalhekk għandna il-liberta demokratika li tagħmlilna kuraġġ li nistgħu nsolvu l-problemi li qed jaħkmu fil-pajjiż u bħala partit. Għal ġid tal-partit u tal-pajjiż irridu nkomplu nieħdu sehem attiv fil-futur politiku ta’ pajjiżna.

Mifsud Bonnici jgħid ukoll li “ma għandniex nċedu l-ispazju għall-oħrajn imma għandna naħdmu aħna fih”. Kemm il-konservattivi għandhom jirriflettu fuq dan il-kliem meta jiftakru li l-Partit Nazzjonalista jinsab rieqed fuq diversi sfidi. Jekk nieħdu Kemmuna biss insibu li l-Partit Nazzjonalista ma lissinx kelma fuq il-problema tal-Blue Lagoon ġewwa Kemmuna biex ma joffendux xi liberali li bil-flus qed jaħseb li jista’ jmexxi l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista. Lanqas qed jiftaħ ħalqu fuq dak li qed jiġi propost fuq parti oħra tal-istess gżira.

Skond dan id-deputat jeżistu ħafna nies, li qiegħdin fil-maġġoranaza, li ma jaqblux ma kif miexi pajjiżna bħalissa. Biss din l-istess maġġoranza qed tibqa’ fis-silenzju u ma tesprimix l-idejat tagħha pubblikament. Huma ftit dawk il-konservattivi li qed jitkellmu jew jesprimu l-opinjoni tagħhom. Il-poplu jrid jagħmel kuraġġ u jitkellem għax jekk ma jkunx l-elettorat li juri t-triq, il-probabilita tkun li jibqa’ kollox fi status quo u dan ma jagħmel ġid lil ħadd.

Mifsud Bonnici fl-artklu tiegħu qed jagħmel kuraġġ lil kulħadd, imma l-aktar lil dawk ta’ ħsieb konservattiv biex ma jibqgħux jittamaw li ħaddieħor se jitkellem f’isimhom. Kulħadd irid jagħmel l-almu tiegħu biex juri dak li jaqbilx miegħu u jimbotta lill-partit tiegħu jew tagħha biex jifhem li l-affarijiet mhumiex kif wieħed jixtieqhom.

Għal dan id-deputat l-għajta tal-poplu hija tant importanti. Il-poplu qed iwerżaq u qed juri li l-affarijiet mhumiex mexjin sewwa kemm bħala pajjiż kif ukoll bħala partit. 70,000 diġa urew fl-aħħar elezzjoni li ma huma jafdaw lil ħadd fit-tmexxija tal-pajjiż. Din it-twerżiqa kienet indirizzata l-iżjed lill-Partit Nazzjonalista, għaliex jekk il-poplu ried jitbiegħed mill-Gvern xorta ma sabx sostenn fil-Partit Nazzjonalista.

Dawk kollha li qed igergru għal kif miexi l-Gvern bħalissa qed isejħu lill-Partit Nazzjonalista jqum mir-raqda li rieqed u joffri lill-pajjiż ftit sustanza u ftit viżjoni li tista’ twassal biex xi darba jkun f’sitwazzjoni li jieħu l-Gvern. Bħalissa żgur li mhux il-każ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *