Jason Azzopardi jgħid li meta ltaqa’ ma’ Bernard Grech f’Tas-Sliema qallu biex ma joħroġx għall-kap

Jason Azzopardi għamel kumment fuq Facebook. Fih qal li meta ltaqa’ ma’ Bernard Grech tas-Sliema, ġewwa cafetteria, qallu biex ma joħroġx għall-kap. Dan hu dak li kiteb Azzopardi.

Infakkar li kien dan is-sit li ppubblika r-ritratt tal-laqgħa bejn Bernard Grech u Jason Azzopardi, meta l-Blue Heroes kienu qed ifittxu kap biex ineħħu lil Adrian Delia. Kulħadd jiftakar tajjeb dan ir-ritratt ta’ Jason Azzopardi jiddiskuti ma’ Bernard Grech.

Infakkar lil Jason Azzopardi li dik kienet laqgħa li saret b’ċertu ħabi meta Bernard Grech kien qed jipprepara għat-tellieqa tiegħu kontra Adrian Delia. Illum Jason Azzopardi jrid qiesu jipprova jikkonvinċi li dak in-nhar id-diskussjoni kienet biex Bernard Grech ma jikkontestax l-elezzjoni għall-Kap. Dan il-bniedem irid jieqaf jigdeb.

Mhux faċli li din in-narrattiva ta’ Jason Azzopardi titwemmen daqshekk malajr. Qatt ma għamel jew qal xejn li kienet turi li hu ma riedx lil Grech kap tiegħu. Anzi kien tah is-support kollu matul it-tellieqa li kienet saret. Mela kif issa, wara sentejn, qed jipprova jbellagħhielna li l-għan tal-laqgħa dak in-nhar kien biex jgħid lil Grech li hu ma kienx tajjeb għall-kap?

Mela insejtu meta Jason Azzopardi ppubblika ittra li qal li kien bagħatlu Bernard Grech meta mietet ommu mbagħad dan is-sit kien żvela li dik l-ittra kienet intbagħtet tliet snin wara l-mewt tagħha? Ara dak in-nhar ma kienx qal li Bernard Grech ma kellux il-kwalitajiet neċessarji biex ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dak in-nhar, Azzopardi kien konvint li Bernard Grech kellu l-istatura neċessarja biex ikun il-kap. Issa, għax ma għamilhiex għall-parlament qed jgħid li Grech ma għadx għandu l-istatura neċessarja u mhux idoneu li jkun kap. Imma qabel kien tant ferħan bih.

Ta’ min wieħed jistaqsi lil Jason Azzopardi, kif ma lissen xejn dak iż-żmien? Anzi kull ma qal kien ta’ tifħir. Kif ħalla lil Bernard Grech jikkontesta allavolja kien jaf li ma għandux il-kapaċitajiet neċessarji? Kif qatt ma bagħat messaġġ lill-kunsilliera u lit-tesserati biex ixerrdu l-kelma li Grech ma kienx il-persuna idonea li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista?

Barra minn hekk ta’ min jaħseb għaliex Jason Azzopardi baqa’ jattakka lil Adrian Delia meta kien jaf li Grech ma kienx ser ikun il-Kap mixtieq. Kif jista’ jkun li meta kien jaf li Bernard Grech ma kellux il-kapaċitajiet ta’ kap, ħalla lil Bernard Grech jagħmel kampanja elettorali li fiha deher biċ-ċar li Jason Azzopardi kien favur tiegħu? Għaliex Jason Azzopardi ħalla lill-grupp Repubblika tattakka lil Adrian Delia b’tant konsistenza u ma qalx lil din l-istess għaqda li Bernard Grech kien inkapaċi?

Dak iż-żmien il-messaġġ li kien bagħat Jason Azzopardi kien li hu wara Bernard Grech b’ruħu u ġismu. Kif jista’ jkun wieħed jemmen lil Jason Azzopardi wara sentejn minn dawk il-fatti? Din mhux ser tinżel sal-griżmejn it-tesserati malajr. Mhux la kemm jikkonvinċi lis-sostenituri tal-partit li kien diġa’ jaf li Bernard Grech ser jgħaffeġ fit-tmexxija tiegħu.

Jekk kien u għadu konvint minn hekk, Jason Azzopardi allura għandu jibda’ jagħmel xi ħaġa għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista li hu mmilita fih għal snin twal. U din trid tibda billi jkun umli biżżejjed u jgħid li jien kont fl-iżball. Imma ma joqgħodx jgħidilna issa li hu ma għadux iktar parteċipi fil-politika. Jekk ma għadux parteċipi fil-politika għalfejn ħareġ dikjarazzjoni bħal din?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *