Il-media tal-liberali trid tieqaf tipprova tħammeġ lil Fr. Luke Seguna akkost ta’ kollox

Quddiem din ix-xhieda kollha favur Fr. Luke Seguna, il-gazzetti tal-liberali xorta ppruvaw, akkost ta’ kollox, joskurawh. Ilbieraħ t’lura, Lovin Malta ħarġet tgħid li dan il-każ jista’ jaqa’ – mhux għax l-akkużat huwa innoċenti – imma għaliex ix-xhieda qed joħorġu jaqbżu għal Seguna. Dan hu argument perikoluż. Hawn għandna sitwazzjoni fejn min hu serju ser ikompli jitlef il-fiduċja fil-ħaqq f’pajjiżna.

Dak li l-media għandha tistaqsi huwa għaliex l-pulizija mexxiet kontra persuna bla ma kienet għamlet l-investigazzjonijiet kollha? Mhux sew li l-pulizija tressaq persuna, takkużaha, titlob li jinżamm il-ħabs u mbagħad joħroġ mix-xhieda tal-pulizija stess fil-qorti li l-pulizija l-anqas biss tkellem max-xhieda li qed ittella’ kontra Fr. Luke Seguna biex tisma l-verżjoni tagħhom! X’inhu r-riżultat? Ix-xhieda kollha qed jgħidu li Fr. Luke hu raġel sew.

Fejn huma tar-rule of law f’dan il-każ?

Għalhekk mhux sew li Lovin Malta tagħmel l-insinwazzjoni li qed tagħmel jew li l-media, bħal Malta Today u anki The Times jagħżlu li jkomplu joskuraw lil Fr. Luke bil-mod kif qed jirrappurtaw il-każ tiegħu.

Il-mistoqsija li trid issir f’dan il-każ hija kif persuna tqegħdet taħt akkuża meta x-xhieda kollha hija kollha favurih? Ix-xhieda kollha li ġabet il-prosekuzzjoni qed jgħidu li l-flus tawhom lil Fr Luke Seguna bħala donazzjoni u mhux lill-kurja. Mela fejn huwa l-money laundering f’dan il-każ?

Jiena għext din l-esperjenza personalment għaliex ġejt mixli mill-pulizija wara li qbadthom fil-fatt iħawdu fil-proċeduri tal-qrati u sibt qorti sħiħa, bi spetturi u supretendenti kontra tiegħi, li ma ddejqux jigdbu taħt ġurament. U ħa ngħidha ċara. Il-każ tiegħi ma jmurx għal żmien il-Lejber. Imur għal żmien in-Nazzjonalisti meta Joe Rizzo kien Kummissarju tal-Korp!

B’hekk nagħder u nifhem lil Fr. Luke Seguna. Imma kont nitkellem l-istess li kieku kien ħaddieħor, kif fil-fatt qed nitkellem fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech.

Jidher ċar minn dan il-każ, il-maġistratura mhix timxi skont il-ħaqq jew qed tibża mill-gazzetti tal-liberali għaliex mhux vera hemm materjal biżżejjed, għallinqas mix-xhieda li ġiet prezentata s’issa, biex Fr. Luke Seguna jitqiegħed taħt akkuża. U l-maġistrata kellha tiġġudika fuq ix-xhieda li l-prosekuzzjoni ġabet s’issa u mhux fuq dik li tista’ l-prosekuzzjoni ġġib ‘il quddiem. Kif kienu jgħidu l-Latin, id-deċiżjoni fil-qorti jridu jittieħdu minn dak li hemm fl-atti, u dak li mhux fl-atti mhux qiegħed fid-dinja jew quod non est in actis non est in mundo.

Kif qed jiżviluppaw l-affarijiet naħseb ikun għaqli jekk Fr. Luke Seguna ma jagħtix il-kunsens ħalli b’hekk, il-każ imur ġuri u l-ħaqq isir min-nies magħżula minn fost il-poplu. Imbagħad tkun il-ġurija taċ-ċittadini u mhux xi maġistrata li tiġġudika l-każ tiegħu. Għall-inqas minn dak li ġie ppubblikat fil-media, jinħass sens ta’ preġudizzju ikrah fil-qorti kontra dan ir-raġel.

Il-verita’ hija li jekk Fr. Luke Seguna jiġi lliberat, hemm konsegwenzi x’wieħed jiffaċċja. B’hekk qed isir minn kollox fil-media tal-liberali u anki fil-proċeduri, biex ikun impinġi ħażin f’għajnejn in-nies. Infakkar li, lil dan ir-raġel bagħtuh il-manikomju (u ara hawn l-ebda professur ma ħareġ jgħid li dan it-tip ta’ rappurtaġġ qed itebba’ l-isem tal-mental health) biex b’hekk dan ir-raġel aktar jitkisser mill-istituzzjonijiet u jkun oskurat man-nies waqt li ġurnalisti għamlu xalata. Għiduli kemm l-akkużat ntbagħat il-manikomju qabel ma ngħata l-liberta’ proviżorja?

Il-biża’ tiegħi huwa li din l-attitudni tal-qorti ser twassal biex aktar nies jitilfu l-fiduċja f’din l-istituzzjoni. Nifhem li hemm ġgjata ta’ nies anti-klerikali li akkost ta’ kollox jixtiequ jaraw lil Fr Luke ikkundannat għaliex hu qassis. Biss hawn qed tkun ipperikolata l-liberta’ ta’ kull ċittadin Malti.

Jekk il-prosekuzzjoni ma jkollhiex każ għandha twaqqfu jew ma tressaq xejn. L-ikbar żball huwa li l-prosekuzzjoni tkompli tippersisti fl-iżball tagħha.

Il-maġistrata trid tiġġudika fuq il-provi tal-prosekuzzjoni u tad-difiża. Kif qal tajjeb Jose Herrera, fuq il-provi biss li ġabet il-prosekuzzjoni ġa kien hemm bażi aktar milli biżżejjed biex tillibera. Minflok il-qorti, kontra kull loġika ġuridika, iddeċidiet li tibqa’ tippersegwita’ lil Fr. Luke Seguna u qegħditu taħt akkuża ħalli l-gazzetti tal-anti-klerikali u xi qassis mxierek magħhom, ikollhom festa x’jagħmlu.

One thought on “Il-media tal-liberali trid tieqaf tipprova tħammeġ lil Fr. Luke Seguna akkost ta’ kollox

  1. Imma kif il – Magistrata tefat lil Fr. LUKE FUQ ATT TA’ AKKUZA META MA HEMMX XUD WIEHED LI QAL LI L – Fr. Dahak bieh ?
    Wara dan il – Kas kien hemm kas iehor u ghax il – Persekuzzjoni ma kelliex xieda kontra l – Akkuza f’ kas ferm izjed serju il – Magistrat hargitu liberat .

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *