L-assurdita’ li persuna xorta titqiegħed taħt att ta’ akkuża meta x-xhieda tal-prosekuzzjoni tkun kollha favur l-akkużat
Ilbieraħ kellna l-aħbar li l-qorti tal-maġistrati qegħdet lil Fr. Luke Seguna taħt att ta’ akkuża. Dan ifisser li issa l-każ ta’ Fr. Luke Seguna mar quddiem l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali. B’hekk sitt ġimgħat oħra ser jerġa’ jkun hemm seduta meta l-atti jiġu mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali lura quddiem il-qorti tal-maġistrati permezz tas-sistema magħrufa bħala rinviji. Il-każ ta’ Fr. Luke Seguna jibqa’ għand il-qorti tal-maġistrati għal 30 ġurnata u jerġa’ jmur għand l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u jerġa’ jiġi lura.
B’hekk din hija parti minn proċedura tal-qorti kriminali. B’hekk dak li ġara lbieraħ ma kienx xi sentenza kif kien hemm min ħaseb. Il-pulizija resqet lil Fr. Luke Seguna quddiem il-qorti tal-maġistrati u Fr. Luke Seguna deher quddiem din il-qorti bħala qorti istruttorja.
Issa fl-istadju li jmiss, l-akkużat ser jintalab jekk jagħtix il-kunsens jew le biex il-qorti tal-maġistrati tkompli tisma’ l-każ. Jekk jagħti l-kunsens, dan ikompli jinstema f’din il-qorti, jekk le, il-każ imur għall-ġuri.
Irrispettivament jew le jekk l-akkużat tax il-kunsens, il-każ kien jitlob li l-maġistrata kellha ilbieraħ tillibera lil Fr. Luke Seguna għaliex fuq il-provi tal-prosekuzzjoni, ma kien hemm xejn li jiġġustifikaw l-akkużi li nġabu kontrieh.
Ninsisti li kienet il-prosekuzzjoni li f’din il-fażi tal-proċess kienet qed iġġib ix-xhieda u mhux id-difiża. Mela kienet il-prosekuzzjoni li għażlet liema xhieda ttella’. Normalment f’dan l-istadju, il-prosekuzzjoni tagħżel li ġġib ix-xhieda l-aktar importanti kontra l-akkużat li jistgħu jinkriminawh.
X’ġara f’dan il-każ partikolari? Ix-xhieda kollha li nġabet mill-prosekuzzjoni, kollha qalu li taw il-flus lill-akkużat min rgħajhom u kollha qalu li ma ġewx misruqa mill-akkużat. Anki meta ġejna għall-istorja tal-mutur, li skont il-media huwa lussuż, l-uniku mutur li ssemma f’din il-fażi kruċjali tax-xhieda kien wieħed tal-fardal li nxtara għal 700 euros!
Fuq kollox, ma ssemma xejn dwar il-pornografija li semmiet fil-media u l-anqas ħareġ li dan il-qassis iffroda nofs miljun euro kif intqal. Imma l-gazzetti tal-liberali u l-onesti jibqgħu jtambru l-mantra tagħhom biex iħammġu lil dan il-qassis.
Mela kellha raġun id-difiża mmexxija minn Jose Herrera titlob għall-ħelsien tal-akkużat. Kemm ili nsegwi l-qorti qatt ma rajt sitwazzjoni bħal din, fejn ix-xhieda tal-prosekuzzjoni kienet kollha favur l-akkużat f’din il-fażi tal-proċess u l-akkużat ma ġiex illiberat. Issa jekk il-prosekuzzjoni kellha jew għandha xhieda li tista’ ssammar lill-akkużat, kont nistenna li din iġġibha f’dan l-istadju kruċjali li fih il-maġistrata riedet tiddetermina jekk tqegħedtx lil Fr. Seguna taħt att ta’ akkuża jew le. B’hekk nerġa’ ngħid li naqbel perfettament mal-argument li ġab l-avukat tad-difiża, Jose Herrera jiġifieri:

Infakkar li l-qorti f’din il-fażi tal-proċess trid iddeċidi fuq dak li semgħet u mhux fuq dak li potenzjalment tista’ tisma. Dak li hu stramb f’dan il-każ huwa li jidher ċar li ma hemmx provi biżżejjed biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża, imma xorta l-maġistrata ddeċidiet li tqegħdu. Biex wieħed jgħid kollox, hija n-norma li f’dan l-istadjum il-maġistrat jew maġistrata tgħid li prima facie, hemm każ kontra l-akkużat. Rari li f’dan l-istadju, il-qorti tillibera lil dak li jkun u tgħid li prima facie ma hemmx każ. Il-biża’ jkun li jekk tillibera f’dan il-istadju, l-Avukat Ġenerali jappella. Biss jien kont nistenna li quddiem il-provi li ġabet il-prosekuzzjoni, il-qorti kellha tillibera. Imbagħad jekk kien ikun hemm appell, wieħed kien jistenna biex jara l-verdett tal-imħallef f’dan il-każ x’ser ikun..
B’dak li għamlet il-qorti, tat aktar spazju għall-ispekulazzjoni tal-media tal-liberali kontra dan il-qassis.
B’hekk wieħed jistaqsi fejn huma tar-rule of law f’dan il-każ?
Illum hu ovju li il Qorti ta Malta ma ghadiex dik li darba kienet u tirrifletti kif tigi ippresentata il Gustizzja fil qrati, immagni ta mara mghamda biex ma thares lejn wicc hadt, f’id wahda ghanda mizien, u f’id l’ohra izzghom xabla. Illum, l’ghammad waqa min ma wicca, u il mizien intrema. Zammhet bies ix-xabla biex tuza fuq min trid. Il Qorti ta Malta regat marret lura ghaz zmien l-Inkwizizjoni, fejn akkuzat ga jittessaq hati, ghanki fuq biss qlajja. Ma ghadx hemm bzonn tal provi illum. Pero, il mant tal Madunna jibqa dejjem ikbar minkhom ukoll!!