Kampanja qalila biex jeħilsu minn Joe Giglio għax ta’ Repubblika u sħabhom qed jibżgħu li ser joħroġ għall-kap tal-PN
Minn persuna mid-Dar Ċentrali
Ejja nkunu ċari. Hemm faxxa kbira ta’ Nazzjonalisti li jridu lil Joe Giglio bħala kap tal-PN. Hu ovvju li wara l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, Bernard Grech mhux se jibqa’ kap tal-PN. Ċara li hu stess qata’ qalbu tant li għadu jdur bil-karavan anke jekk il-PN jinsab fl-agħar sitwazzjoni li qatt kien.
Imma Bernard Grech għandu problema ikbar. Issa lanqas dawk li poggewh kap, il-famużi 17-Blue Heroes u magħhom l-esponenti ta’ Occupy Justice u Repubblika, ma għadhom jappoġġjawh. Dawn iridu li jitneħħa Bernard Grech u minfloku titpoġġa Roberta Metsola. Dan huwa fatt magħruf ma dawk qrib din il-fazzjoni fil-PN.
Iżda l-istess fazzjon taf li huwa kważi impossibbli li Metsola titlaq mill-Ewropa, fejn taqla’ eluf kbar fix-xahar, biex tiġi tmexxi l-PN meta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-PN se jlaqqat telfa oħra ċerta. Allura l-Blue Heroes u sħabhom huma nkwetati li Joe Giglio jagħmlilhom xi waħda u jidħol kap hu.
Jekk dan iseħħ, dawn jafu li Giglio se jurihom il-bieb ta’ barra. Allura bdiet kampanja qalila biex lil Giglio ikissruh. F’ġimgħa waħda biss attakkawh Jason Azzopardi, David Thake, Manwel Delia, Mandy Mallia – oħt Daphne u Kevin Cassar, li jiġi ħaten Beppe Fenech Adami.
Tal-fazzjoni ma jitilfux okkazjoni waħda biex jattakkawh, jallegaw fuqu u jħammguh. Qed jagħmlu minn kollox biex lil Giglio jaqtagħlu qalbu, joħolqu tensjoni anke fil-familja tiegħu biex dan, min-naħa tiegħu, jiddeċidi li mhux worth it jidħol għall-kariga ta’ kap tal-PN.
L-attakki fuq Joe Giglio se jiżdidu bil-kbir kif kien ħabbar dan is-sit. Lil Giglio dawn mhux biss ma jaħmluhx, għax hu ta’ theddida għas-siggu tagħhom, imma jobogħduh.
Issa l-mazz f’idejn Giglio. Jaf jagħżel li jieqfilhom u jibqa’ għaddej – anke jekk dan mhux faċli ghax tal-Blue Heroes u sħabhom kapaċi jkissru lil dak li jkun. Jew Giglio jista’ jagħżel li jibgħat lil kulħadd jixxejjer, joqgħod sempliċiment membru parlamentari, joħroġ għall-elezzjoni li jmiss, u jerġa’ jitla’, imbagħad ikun wasal fl-eta’ li jirtira bil-kwiet.
Jista’ pero’ jkun il-każ li Giglio taqbiżlu, u jitlaq. Jekk jigri hekk, il-PN ikun qala’ daqqa enormi oħra, wara li diġa’ telqu mill-PN numru ta’ nies validi li wkoll kellhom futur fil-PN. Dan hu l-istat li jinsab fih il-PN illum. Mikul bi ħdura enormi.