Ix-xogħol fuq il-moll għad-dgħajjes iż-żgħar f’ Marsaxlokk ma jitkomplix għaliex ma hemmx flus

Waħda mill-wegħdi li kienet saret minn dan il-Gvern lis-sajjieda ta’ Marsaxlokk kienet li jagħmlilhom moll u slipway għal dawk is-sajjieda li għandhom dgħajjes żgħar.  Il-Gvern deher li żamm mal-wedgħa tiegħu għaliex ix-xogħol fuq din is-slipway inbeda. Imma l-problema qedha hawn. Dan ix-xogħol għadu mhux mitmum. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Meta ser jispiċċah dan ix-xogħol il-gvern? Ilu aktar minn sena wieqaf u għadu mhux komplut.

Hawn qed nitkellmu fuq il-moll u l-slipway li qed isiru fejn l-illum hemm it-TEX MAX South ġewwa Marsaxlokk.  Din l-islipway kienet jew aħjar hija parti minn proġett ikbar li jsir moll ftit għoli mill-baħar biex id-dgħajjes li huma fid-daqs taħt is-sitt metri u nofs jkollhom fejn jistgħu jinnavigaw meta jkunu qed itellgħu jew jitniżżlu, għaliex il-mollijiet l-oħra li hemm fil-lokalita’ huma aktar għolja u għalhekk jikkreaw inkonvenjent għad-dgħajjes żgħar meta jkunu qed jtellgħu jew iniżżlu fil-baħar. Fuq dan il-moll li kien qed jinbena, sidien ta’ dgħajjes żgħar kienu ser ikunu jistgħu jinnavigawhom b’idejhom.

Fuq kollox, kellhom jirrangaw il-qiegħ tal-islipway għax kien kellu ħofor u kanali.

Ġara li malli beda dan ix-xogħol u kienu ġa għamlu tliet vażi fil-baħar, kien weġġa’ d-diver li kien qed jaħdem fuq dawn il-vażi u jqiegħedhom f’qiegħ il-baħar. Minħabba dan l-inċident, ix-xogħol kien waqaf. Dan id-diver kien weġġa’ serjament tant li kienet anki nfetħet inkjesta b’maġistrat. Kien mexxa din l-inkjesta il-Maġistrat Joe Mifsud.  Din l-inkjesta ilha magħluqa aktar minn ħames xhur. 

Issa anki jekk l-inkjesta ilha lesta, xorta dan ix-xogħol fuq din l-islipway għadu ma bediex u jew aħjar ix-xogħol ma tkomplix.

Meta s-sajjieda kienu jistaqsu lill-awtoritajiet meta ser jitkompla x-xogħol kienu jgħidulhom meta tingħalaq l-inkjesta.  Issa wara li ngħalqet din l-inkjesta, is-sajjieda qed jerġgħu jistaqsu lill-awtoritajiet dwar meta ser jitkompla x-xogħol la darba l-inkjesta ngħalqet.  Issa qed jgħidulhom li ma hemmx flus biex dan ix-xogħol ikompli.

Bir-raġun, is-sajjieda qed jistaqsu mela meta beda x-xogħol, ma kienx hemm flus budgeted għalih? Fejn marru dawn il-flus? Dan juri nuqqas ta’ ppjanar serju fil-ħidma tal-gvern għal dan il-moll.  

One thought on “Ix-xogħol fuq il-moll għad-dgħajjes iż-żgħar f’ Marsaxlokk ma jitkomplix għaliex ma hemmx flus

  1. Illum wiehed jittama li kif jigi ntrodott il-buget li jmiss, il-ministru responsabbli mill-infrastruttura jonora t-tlestija ta’dan is-slipway biex is-sajjieda jkollom is-slipways kollha kompluti kif mixtieq. Nawgura li dan ix-xoghol jitwettaq kif dejjem ghamel il-Gvern Laburista fil-passat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *