In-nuqqas ta’ ħeġġa fil-PN: NGO wriet lill-PN kif għandu jġib ruħu

Minn osservatur politiku

Veru li s-sħana tas-sajf (donnu din is-sena aktar minn snin oħra) ma tantx tagħmel kuraġġ li wieħed jaħdem. Imma l-kwiet li waqgħu fih il-partiti politiċi ta’ pajjiżna huwa kwiet li jwerwrek. Qisu kollox għaddej u ħadd ma jagħmel ebda riflessjoni fuq dak li jkun għaddej.

Il-Partit fil-Gvern jinsab kajman għall-aħħar u l-Oppożizzjoni qed timitaħ anke fil-ħażin. Imn’Alla kien hemm Graffitti li għamlu ħoss tajjeb fuq il-kwistjoni ta’ Kemmuna li wrewna kif għandha tkun tmexxija u kif jitniżżlu n-nies fit-toroq biex jaġixxu. Urewna kif anke NGO tista’ tkun effettiva u tagħti eżempju lill-Gvern, imma iktar u iktar lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni.

Jidher ċar li Andre’ Callus għandu aktar kwalitajiet ta’ tmexxija milli għandu Bernard Grech. Azzjonijiet bħal dawn minn NGO tkompli turi kemm il-Partit Nazzjonalista huwa kważi ineżistenti. Dak li ġie imwiegħed, li b’aktar deputati ġodda fil-parlament il-Partit Nazzjonalista kien ser jiġġenera ruħu, waqgħet fuq widnejn torox u tilfet kull sinifikat.

Kienet NGO li wriet lill-kap tal-Partit kif għandu jaġixxi u kif għandu jmexxi. Għalkemm għaddew aktar minn sentejn minn meta tbiddel il-Kap, s’issa għadna ma rajniex xi kwalita ta’ tmexxija minn Dr Bernard Grech. Id-differenzi fil-Partit Nazzjonalista żdiedu f’dan l-aħħar xhur u s’issa Dr Grech għadu ma qabadx il-barri minn qrunu u ħa d-deċiżżjonijiet neċessarji.

Jidher li kif qed ikompli jiżvolġi l-partit ma tantx hemm tama li Dr Grech ser ikun f’pożizzjoni li jieħu xi deċiżjonijiet. U dawn il-battibekki li qed jitfaċċaw minn ħin għall-ieħor fil-partit żgur li mhumiex ser jgħinu biex il-kap tal-partit ikun jista’ jagħmel xi ħaġa ta’ ġid. Malta għandha bżonn Kap tal-Oppożizzjoni li jkun kapaċi jiddeċiedi, jgħaqqad lil kulħadd warajh u verament ikun ta’ oppożizzjoni għall-partit fil-Gvern.

Kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jimxi ‘l quddiem meta ma hux kapaċi jaqbad ċertu kwistjonijiet li l-Gvern tilef ir-rigni fuqhom (bħalma hi l-ekonomija) u jibni fuqhom ħalli juri li għandu l-kapaċita ta’ tmexxija? Kif jista’ l-elettorat, meta jara dan in-nuqqas, jiddeċiedi li jersaq lejn il-Partit Nazzjonalista?

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar Bernard Grech qed jitlef l-effettivita’ fuq il-partit tiegħu stess u s-surveys qed ixandru dan in-nuqqas ta’ popolarita’. Kliemu donnu qed jintilef u ftit qed jagħtu kasu.

Issa għandna NGOs li qed jaqbdu l-argument tagħhom u jmexxuh ‘l quddiem waħedhom u l-Oppożizzjoni toqgħod gallarija tħares. Għal kuntrarju għandu tkun l-Oppożizzjoni li tieħu f’idejha fejn hemm in-nuqqas tal-Gvern. Għandha tkun hi l-ixprun biex l-NGOs jitiligħu fuq il-karru tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab mifxul, lanqas jaf minn fejn ser jibda. Għadu lanqas iddeċieda liema huma l-kwistjonijiet li ser jaqbad fuqhom. L-isfortuna hi li l-kalma u n-nuqqas ta’ ħeġġa tas-sajf donnhom ser jirrenjaw fuq il-Partit Nazzjonalista għal tul is-sena kollha.

One thought on “In-nuqqas ta’ ħeġġa fil-PN: NGO wriet lill-PN kif għandu jġib ruħu

  1. jekk tahzbu li dak li ghamiltu f-Kemmuna hu ta gid ghal pajjiz izda mortu zmerg ghax dak li ghamiltu hu li tgerxu lit-turisti li jigu ghal btala u jonfqu flushom ghal ghajnuna ekonomika. Tafu li b-dak li ghamilti f-Kemmuna hsara biss jirrizulta u mhux gid kif semmejtu li dak li ghamiltu ser jisarraf f-gid
    Le haddtu falza stikka ghax b-dan il-mod mhux gid izda il kontrau jekk qed tahzbu li il Gvern rieqed kif kif kien il-PN fil Gvern hawn ukoll zbaljajtu u dan ser tarawh fix’xandira tal ” budget ” 2023

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *