Where your opinion counts

“Ma nafdax lill-Kurja… nafda lil Dun Luke”: Kieku l-pulizija kienet serja kienet tinvestiga l-abbuż li qed isir mill-flus tal-fidili mill-Kurja

“Ma nafdax lill-Kurja… nafda lil Dun Luke”. Hekk qal wieħed mix-xhieda fil-kompilazzjoni ta’ evidenza kontra Fr. Luke Seguna. U għandu raġun biex ibiegħ. Matul ix-xhieda mogħtija, ħareġ ċar li l-kurja għandha taxxa enormi fuq il-ġbir tal-kappillani li hija ta’ 35% u tista’ tkun aktar jew tista’ tkun inqas ukoll.

Imbagħad sirna nafu li l-kappillani mhux imħallsin. Mela, biex kappillan ikun jista’ jgħix diċenti jrid jiddependi fuq il-karita’ tan-nies. Imbagħad The Times għamlu għaġeb li dan il-kappillan għandu erba’ muturi kbar. Dan hu raġel li l-anqas dar tiegħu ma għandu! Mhux bil-fors jaffordja erba’ muturi! Li ma qalux ta’ The Times, għax ma jaqbilhomx, li dan ġej minn familja tat-tajjeb. Ma għandux bżonn il-flus tal-Knisja biex ikollu erba’ muturi. Infatti meta ngħata l-bail, mar joqgħod mal-ġenituri tiegħu.

Imma l-kbira qegħda hawn. Waqt li l-kappillani u l-qassisin mhux imħallsin, ħadd ma staqsa kemm qed jitħallsu l-lajċi li jamministraw il-knisja mill-kurja? Ħadd ma staqsa kemm jitħallsu l-managers u l-ġurnalisti u l-board members li jmexxu Newsbook? Dawn jitħallsu biċ-ċicri bħall-kappillani u l-qassisin jew jingħataw pagi esorbitanti? U mnejn qiegħda ġġib il-flus tal-pagi tagħhom il-kurja? Ħadd ma staqsa jekk il-villa bil-pool li jrid jibni l-arċisqof Scicluna fl-inħawi tal-Buskett kienetx ser titħallas minn dawn il-flus miġbura mill-parroċċi wkoll?

Wara dak li ntqal fil-qorti, wieħed bir-raġun irid issa jistaqsi jekk il-kappillani hux qed jagħmlu tajjeb għas-salarji ta’ dawn in-nies li xi uħud minnhom huma ta’ elf kbar ta’ euros fis-sena? Jew għal xi bini ta’ villa bil-pool? Jekk dan mhux ħasil ta’ flus, dan żgur simonija! U għal Alla, is-simonija hija agħar mill-ħasil ta’ flus!

Mhux ta’ b’xejn li kien hemm xhud tal-prosekuzzjoni (u mhux tad-difiża) li qal li hu jafda lil Dun Luke u mhux lill-Kurja.

Illum wieħed għandu jibda jistaqsi lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi jekk bil-flus li l-fidili qed jagħtu lill-kappillani biex jiġi ffinanzjat xi proġett fil-parroċċa tagħhom, parti minn dawn il-flus hux qed tmorr biex ikun iffinanzjat Newsbook jew xi villa bil-pool fil-Buskett? Fi kliem ieħor, jekk hux veru li l-insara Maltin qed jispiċċaw jiffinanzjaw il-media tal-knisja bl-għotjiet tagħhom mill-parroċċi? Din hija media li qed tispiċċa tgħajjar u tkisser lill-istess kattoliċi li qed jagħtu l-flus lill-Knisja!

Naħseb li kieku l-kummissarju tal-pulizija u dawn l-ispetturi li xlew lil Dun Luke kienu serji u onesti, dan l-abbuż missuhom investigataw, jiġifieri kif persuni li qed jagħtu flus għall-proġetti fil-parroċċa, aktar minn terz minnhom qed imorru, mingħajr ma jafu, biex jitħallsu progetti li mhumiex tal-parroċċa. Dan illum jikkostitwixxi ħasil ta’ flus! Possibli li dan ma ħariġx fl-investigazzjonijiet preliminari li dawn l-ispetturi għamlu fuq dan il-każ? Jew din hija biss investigazzjoni motivata kontra dan il-bniedem, għaliex jafu li hu dgħajjef għax għandu cancer?

Hawn fejn jinsab il-veru abbuż. Jiġifieri bi flusek qed tiffinanzja xi ħaġa li l-anqas biss taf jew tixtieq tiffinanzja u jidher li ħadd ma kien qed jgħidilhom!

Verament qed jiġri kif kitibli Xlukkajr bid-djalett tal-lokalita’, “Imme inti qed tara Profs Simon – qed jiġri dan kollu, EŻŻAT KIF KIENU JGĦIDU L ANTIKI MISSIRIJIETNA XLUKKAJRI LI… — MEJN IMMESS LILL-MADUNNA, IL-MADUNNA TMESS LEJLU!!—

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *