Newsbook u Times of Malta ma jgħidu xejn li r-raġel ta’ ġurnalista ta’ The Times u eks-kunsulent ta’ Gonzi tqiegħdu fuq Bordijiet tal-Gvern
Bħalissa, il-media tal-Knisja, f’alleanza ma’ The Times jinsabu jattakkaw lill-ekonomista Gordon Cordina. Dan għaliex Cordina qiegħed jieħu kuntratti mingħand dan il-Gvern Qalu li Cordina, apparti l-kariga tiegħu fit-tmexxija tal-Bank of Valletta, ingħata wkoll konsulenzi u kuntratti minn entitajiet oħra tal-Gvern. Dan imur ma’ numru ta’ persuni oħra li qabel kienu jagħtu servizz lill-gvern tal-PN u issa qegħdin jagħtu is-servizzi tagħhom lil dan il-Gvern.
U dwar dawn in-nies qed jagħmlu storja sħiħa dawn iż-żewġ ġurnali. Imma dawn iż-żewġ gazzetti qed jagħżlu lil min jattakkaw. Il-ħażin ma jinsabx fil-fatt li qed jitkellmu fuq Cordina jew fuq oħrajn li kienu mal-PN u llum qegħdin fuq bordijiet tal-gvern. Il-ħażin jinsab fil-ħdura u l-ipokreżija li qed juri dawn iż-żewġ gazzetti. U għall-ġieħna, waħda mill-gazzetti hija tal-Knisja li tridha tal-oraklu tal-verita’ u s-sewwa. Verament ġurnaliżmu tal-bigilla.
Ta’ min jgħid u jfakkar li l-istess Gordon Cordina tgħidx kemm kienu jiddandnu bih The Times meta dan kien jagħti pariri lil Lawrence Gonzi meta dan kien Prim Ministru. Ma naħsibx li Cordina kien jagħti pariri gratis lil Gonzi. Ara issa għax qed jagħti parir lil dan il-gvern sar ekonomista suspettuż jekk mhux ukoll ħażin! U ta’ min wieħed ifakkar; tgħidx kemm kienu jistednuh biex jindirizza konferenzi tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Sew kienu jagħmlu. Dakinhar, Dr Cordina kien bravu u kapaċi u l-ebda media tal-Knisja jew The Times of Malta, ma kienu jagħmlu stejjer dwaru.
Imma issa Dr Cordina għamel sagrileġġ. Qed jagħti servizzi bil-ħlas, kif dejjem għamel, lill-entitajiet tal-gvern preżenti. Issa, allura, bdew iġibuh fil-gazzetti, jindagaw u jistaqsu dwaru u jżeffnu ismu mal-pajjiż kollu. Jekk hemm fuq xix jindagaw sew jagħmlu. Il-ħażin jinsab f’min jagħżlu li jindagaw jew isemmu.
Ara dwar l-ekonomista Dr Stephanie Fabri li fl-2021 ġiet appuntata fuq il-Bord tal-Malta Stock Exchange, ma jgħidu xejn la The Times u l-anqas il-gazzetta tal-knisja. Qatt ma kitbu xi artiklu li żewġha, li hu ekonomista ieħor bravu, Dr J.P. Fabri, kien jaħdem fl-uffiċju tal-Komunikazzjoni ta’ Lawrence Gonzi, f’Kastilja.
Imma ċ-ċirasa fuq il-cake tinsab hawn. Xi ħadd sema’ bil-ħatra tal-avukat Silvio Brincat, eks-kandidat Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali li issa ġie appuntat f’bord li jaqa’ taħt il-Ministru tal-Ġustizzja? Dażgur li le. Dottor Brincat ma hux biss eks-kandidat Nazzjonalista imma huwa wkoll miżżewweġ lill-ġurnalista ta’ The Times, Dr Edwina Brincat.
Fuq kollox, u din ftit jafuha, Dr. Silvio Brincat kien wieħed minn dawk li appoġġa u ħadem b’saħħa kbira biex Bernard Grech ikun il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista minflok Adrian Delia. Tiftakru kemm in-nies ta’ Bernard Grech kienu jgħajru lil dawk li kienu qed jikkritikaw lil Bernard Grech, mixtrija mill-Partit Laburista? Ara issa, dawn kollha b’fommhom mitbuq fuq dawn il-ħatriet.
Fuq livell professjonali, ma għandix dubju li Dr Silvio Brincat jixraqlu jkun fuq dan il-bord. L-argument tiegħi ma’ hux jekk Brincat jew Fabri għandhomx ikunu fuq bordijiet tal-Gvern. Dażgur li għandhom ikunu jekk huma kapaċi. L-argument tiegħi hawn huwa ieħor. L-ipokreżija ta’ The Times u tal-media tal-Knisja li fuq Dr Gordin Cordina u oħrajn jagħmlu stejjer u fuq dawk li huma qrib ta’ Bernard Grech u issa marru jagħtu servizz tagħhom lil dan il-gvern preżenti jibqgħu b’ħalqhom magħluq.
Mela lil Cordina u lill-oħrajn, dawn il-ġurnali bilkemm mhux qed ipenguhom qieshom xi ħadd li qed jerda minn fuq il-Gvern u lill-oħrajn qieshom qaddisin u qatt ma kienu turncoats.
Ħalluna bil-kwiet. Verament ġurnaliżmu tal-bigilla. Komplu sejrin hekk. Jekk Kristu kien jobgħod xi ħaġa, ma kienx lill-midneb imma lil min hu ipokrita.
