Aktar reżenji fil-Partit Nazzjonalista waqt li jikber il-kaos fid-Dar Ċentrali

Ilbieraħ t’lura, fid-Dar Ċentrali kien hemm movimenti kontinwi għaddejjin li ma kienux tas-soltu. Dawn il-moviment kienu qed iseħħu waqt li l-kap tal-Partit Nazzjonalista jinsab ġo xi caravan x’imkien idur fl-Ewropa.

Fost l-oħrajn, kien hemm żewġ riżenji mill-ħaddiema li jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista, fosthom dik tal-librara u ħaddiem ieħor tal-medialink. Jidher li hemm aktar riżenji fil-pipeline.

Fil-kurituri tal-media link hemm kaos għaliex issa riesqa l-iskeda tal-ħarifa u ma jidher li għandhom xejn konkrett.

Sadanittant aktar kmieni ilbieraħ filgħodu deher servizz ta’ One News u dan wassal biex fil-kurituri tad-Dar Ċentrali dehru żewġ deputati li kien ilhom ix-xhur ma jidħlu f’dan il-post li huma Ivan Bartolo tal-Mosta u Chris Said ta’ Għawdex.  Skont sorsi infurmati qaluli li l-ewwel li ma deher kien Ivan Bartolo u ftit wara deher Chris Said.

Dak li jista’ jkun irrappurtat b’mod konkrett li lbieraħ filgħaxija ħarġet stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-problema tal-faqar. Fost l-oħrajn din ġiet iffirmata minn Ivan Bartolo tal-Mosta li hu l-kelliem fuq dan is-settur. Kif kien qed jirrapporta dan is-sit, Ivan Bartolo ma kien qed jissemma’ xejn fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett. Jekk din iż-żjara kienet b’xi mod marbuta mal-kritika ta’ dan is-sit li qed jagħmel minħabba dawn it-tip ta’ mġieba u biex ikun hemm aktar involviment tad-deputati, allura, dan l-involviment ta’ Ivan Bartolo hija xi ħaġa tajba u ta’ min ifaħħarha.

Il-preokkupazzjoni tibqa’ Bernard Grech. Filwaqt li s-sajf għad-Dar Ċentrali ma kienx wieħed kalm, madanakollu Bernard Grech jidher li hu ftit li xejn inkwieta.  Sal-lum għadu ma ġiex miċħud dak li xandar dan is-sit li Bernard Grech jinsab idur bil-caravan mal-Ewropa. Anzi, din issa saret iċ-ċajta tan-Nazzjonalisti.

Dak li dan is-sit jista’ jkompli jiżvela li biex jitgħatta dan il-fatt, għaliex din il-mawra hija waħda twila ta’ ħafna ġimgħat, qed ikun hemm kuntatti kultant bit-telefon ma’ Bernard Grech, iċemplulu fejn ikunu jistgħu jdaħħluh on air biex jitkellem fuq il-faqar jew xi suġġett ieħor u b’hekk tingħata l-impressjoni li qiegħed isegwi kollox. Imbagħad Bernard Grech jikteb li l-PN qiegħed il-ħin kollu fuq ħidma sfiqa u qrib il-poplu!

Waqt li l-faqar huwa ta’ preokkupazzjoni, l-ikbar preokkupazzjoni li għandu l-PN bħalissa huwa d-dejn li għandu. F’dan ix-xahar ta’ Awwissu, bħal kull xahar ieħor, dan tela’ bi 13-elf euro oħra. Din mhix xi somma li qed nivvinta jien.  Bernard Grech stess kien qal li d-dejn hu ta’ 32 miljun. Fuq dan id-dejn hemm 5% interessi li jagħmlu 160,000 euro imgħax fis-sena. Għamel diviżjoni bi 12, in-numru tax-xhur u jkun hemm is-somma ta’ kemm qed jitla’ kull xahar dan id-dejn. Dak li nista’ ngħid b’ċertezza li ma hu qed isir xejn biex jinqata’ dan id-dejn kollu.

Dan qed iwassal biex ħafna partitarji qed jgħidu fil-pubbliku li hemm bżonn issir xi ħaġa, għax donnu il-partit għadu ma sabx il-qiegħ.  Kif kelli ċ-ċans nuri lbieraħ, anki Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar dan il-fatt waqt li dawn ir-reżenji tal-ħaddiema mill-Partit Nazzjonalista qed jirriflettu din ir-realta’.

Dak li d-direzzjoni kienet kapaċi tgħid lin-Nazzjonalisti kien biex jevitaw il-media soċjali. Imma jekk mhux ser ikun hemm soluzzjonijiet immedjati, il-partitarji ser imorru aktar fuq is-social media biex isemmgħu leħinhom.  

Il-partitarji mhux ser jibqgħu siekta wara li issa jafu li l-organi tal-partit ma m’humiex jaħdmu. Fuq kollox, il-partitarji għajnejhom f’wiċċhom. F’dawn ix-xhur raw l-istatut jitkisser u l-partit tagħhom mixi bla direzzjoni. Ftit ftit, f’dawn is sentejn ta’ Bernard Grech, flok inżergħet iż-żerriegħ tal-għaqda żied it-tkissir u kibret il-mibegħda li qed toħroġ ta’ kuljum fil-beraħ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *