It-tibdil fil-klima ser jaffettwa ż-żjajjar tat-turist Ingliż f’pajjiżna? L-indikazzjonijiet juru li iwa.
Minn osservatur politiku
It-tibdil tal-klima hija problema li tista’ taffetwa lil Malta kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett. It-tibdil li qed naraw qed inbagħtuh f’pajjiżna għax qed insofru sjuf sħan iktar milli niftakru. Imma hemm il-problema ta’ effett indirett għaliex pajjiżi oħra wkoll qed isofru minn sjuf sħan. Ejja nieħdu l-Ingilterra. Minn dan il-pajjiż jiġu l-maġġoranaza ta’ turisti u għalhekk irridu naraw jekk aktar sħana fl-Ingilterra tnaqqasx l-interess tal-Ingliżi biex jiġu f’pajjiżna, meta nafu li dawn l-iktar li jiġu huwa biex igawdu x-xemx u l-bajjiet tagħna.
L-Ingliżi mdorrijin jiġu f’pajjiżna biex jaħarbu mit-temp xejn xemxi li dejjem kellhom f’pajjiżhom. Issa f’dawn l-aħħar sjuf, speċjalment dan li qiegħdin fih, qed naraw lill-poplu Ingliż jgħaddi minn temperaturi għoljin b’tali mod li qed jiġu dikjarati stati ta’ emerġenza.
Nafu wkoll li biex jiġu pajjiżna jridu jgħaddu minn ajruporti u dak kollu li jġib miegħu biex tivvjaġġa li joħodlok kważi ġurnata taħbit biex tasal minn l-Ingilterra f’pajjiżna. Issa jekk fl-Ingilterra qed jgħaddu minn sjuf sħan, daqs li kieku qiegħdin f’żona mediterranja, għalfejn għandhom joqgħodu jitħajru jivvjaġġaw f’pajjiżna jekk qed ikollhom l-istess temp sħun f’pajjiżhom.
Fl-Ingilterra stess jeżistu diversi bajjiet bir-ramel li jistgħu jgawduhom mingħajr ma joqgħodu jitbiegħdu minn pajjiżhom. Jekk ser ikollhom l-istess temp sħun, ser ikun vijabbli li joqgħodu jsiefru biex igawdu x-xemx?
B’sagħtejn vjaġġ bil-karozza jkunu jistgħu iġawdu r-ramel. U b’temp sħun ikollhom dak li jixtiequ. Allura jkun hemm għalfejn joqgħodu jiġu Malta jew imorru x’imkien ieħor meta jistgħu jgawdu l-istess temperaturi f’pajjiżhom?
Barra minn hekk irridu niftakru li l-prezzijiet tar-restaurants f’pajjiżna huma għoljin, mela kull Ingliż ikun jista’ jgawdi pakkett aktar konvenjenti għalih jekk jibqa’ f’pajjiżu. Fil-fatt l-Ingliżi diġa’ ivvintaw il-kelma ideali għal vaganzi ta’ dan it-tip. Huma qed isejjħulhom ‘staycation’, jiġifieri li tagħmel vaganza billi tibqa’ f’pajjiżek.
U jekk ikun hemm min jieħu gost bl-istorja, żgur li l-Ingilterra għandha storja interessanti xi tgawdi. Barra min hekk f’pajjiżhom ikunu jistgħu jduru f’ħafna aktar spazji, bogħod mill-iffullar li qed joffri pajjiżna. U jekk ikollhom xtiewi anqas kesħin, ikunu jistgħu jagħmlu l-vaganzi tagħhom matul is-sena kollha.
Mela hawn Malta rridu bil-fors nibdew ninkwitaw min-nuqqas ta’ Ingliżi f’pajjiżna. Aħna għandna bżonn dan it-turiżmu għax huwa wieħed mill-pilastri ekonomiċi b’saħħithom li għandna f’Malta. Jekk ma jiġix it-turist Ingliż aħna għandna għalfejn nibdew inħabblu rasna. Għalhekk pajjiżna jrid jieħu ħsieb it-turist. Irridu nżommu f’moħħna li jekk ma jiġix it-turist, Malta tbati konsegwenzi finanzjarji kbar u l-poplu Malti u Għawdxi żgur li ma jistax jaffordja dan in-nuqqas.