Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonniċi jgħid li d-deċiżjonijiet fil-PN iridu jittieħdu llum u mhux sentejn oħra

Il-Ħadd li għadda, Dr Carm Mifsud Bonnici ma qagħadx idur mal-lewża. Huwa kiteb artiklu fil-Mument fejn qal bla mezzi termini li l-biddliet li iridu jsiru, jridu jsiru issau mhux sentejn oħra. Din id-dikjarazzjoni daqshekk qawwija għaddiet mhux osservata mill-media tagħna. Kont nistenna li ser tkun maqbuda. Hija ċara li din kienet referenza għall-fatt li Bernard Grech irid jitlaq issa u tinbidel il-pożizzjoni tal-PN. Jekk mhux ser jiġri hekk, telfiet kbar hemm lesti għall-Partit Nazzjonalista.

Carm Mifsud Bonnic istqarr li huwa importanti għalih, li dak li għandu jgħid jgħidu għax hekk hemm bżonn għall-ġid tal-poplu kollu Malti u Għawdxi. Għamilha ċara li ma kienx qed jikteb biex jakkwista, imma għax irid jaqsam il-ħsibijiet tiegħu għall-ġid tal-poplu, tal-pajjiż u tal-partit li jimmilita fih. Ma kitibx dak li kiteb biex iweġġa’ lil xi ħadd imma kiteb dak li jemmen fih u għamel dan bi skop wieħed dak li jsib tarf tal-problemi li għaddej minnhom bħalissa l-Partit Nazzjonalista.

Skond Dr Carm Mifsud Bonnici, il-Partit Nazzjonalista ma għandux kriżi ta’ identita’ għax il-bażi tal-partit hija demokratiku kristjan. Il-partit nazzjonalista dejjem ħaddan il-poter politiku f’idejn il-Maltin li wasslitu għall-indipendenza. Dejjem wera wkoll li jibni l-politika tiegħu l-bogħod mill-kapitalizmu liberali u l-ġlieda tal-klassi soċjalista.

Imma l-problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista llum ma jistgħux jitqiesu fuq binarju wieħed. Skond Dr Carm, il-Partit Nazzjonalista ilu jiġġieled kampanji elettorali u jieħu disfatta wara l-oħra għax qed jippreżenta ruħu b’politika li ma tassimilax ruħha verament mal-istess partit. Il-Partit Nazzjonalista huwa ‘Christian democrat’ u inutli jippruvaw idawruh f’xi ħaġa oħra.

Hemm indħil qawwi fil-Partit Nazzjonalista u dawn qed jippruvaw ipoġġu lill-istess partit f’xi ħaġa li mhuwiex. Qed isir wisq referenza minn dawn in-nies biex jippruvaw jibdlu lill-partit f’ideoloġiji li qatt ma jista’ jkun. Forsi jkun aħjar li flok jippruvaw ibiegħdu lill-Partit Nazzjonalista minn dak li hu, jaċċettaw li d-demokristjani bnew l-Unjoni Ewropea u dik l-idejoloġija għad hemm bżonnha sal-lum.

Bil-politika li qed iħaddan bħalissa l-Partit Nazzjonalista ser twasslu biss biex jibqa’ fl-oppożizzjoni għal żewġ leġislaturi oħra. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ juri lilu nnifsu bħala xi moviment jew partit liberali, għax ser jibqa’ jitlef. Hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista isaħħaħ l-għeruq tiegħu u jafda fil-poplu li jirrispettah għal dak li hu u mhux jipprova ibella’ lill-elettorat xi ħaġa li ma hux.

Il-Viċi-Kap kellu raġun jgħid li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija favur id-dinjita’ tal-persuna umana għax verament dak huwa l-bażi ta’ politika demokratika kristjana. Il-bniedem irid jiġi rispettat totalment, il-bogħod minn kull materjaliżmu. Importanti li l-Partit jibda jifhem dan ħalli jkun jista’ jwettaq politika li biha jiġbed lura nies li kienu tal-fehma demokratika kristjana.

Il-Partit Nazzjonalista ma hux la dittatura u lanqas oligarkija u jrid ikun sod li juri li hu demokrazzija. U dan għandu jibda jixxandar kemm jista’ jkun malajr u mingħajr telf ta’ żmien. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitlef ħin. Ma nistax nifhem għalfejn il-partit għandu jistenna sentejn oħra biex naċċettaw dawn il-fatti.

Dr Carm kien ċar li aħjar il-bidla li għandha ssir, issir issa u mhux sentejn oħra meta kollox qed juri li ġejja telfa ikbar mit-telfiet kollha li ħa sa issa l-Partit Nazzjonalista. Aħjar li min għandu jersaq għat-tmexxija jidħol għaliha issa milli jistenna iktar. Kemm hu aħjar li tipprepara għall-elezzjoni ġenerali f’temp ta’ ħames snin milli ta’ tlieta.

Imma wkoll x’ser nakkwistaw fl-elezzjonijiet tal-parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali li ġejjin. Skond dak li qed jidher, u ma jidhirx li l-affarijiet ser jinbidlu, flok niġġieldu għat-tielet siġġu, ser nissugraw li nitilfu t-tieni wieħed.

Barra minn hekk, jekk ix-xejra tibqa dik li hi, hemm ċans li nkomplu nitilfu aktar sindki u kunsilliera fil-kunsilli lokali.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikompli jaħrab mir-realta’. Ma jistax ikun li dan il-partit jibqa’ jgħix illużżjoni. Ix-xejra politika ma tinbidilx mil-lum għall-għada, jew għax tiskopri xi ħaġa. Il-politika trid tkun dik ta’ perswazzjoni. Għalhekk ma nistgħux noqogħdu nibżgħu li ngħidu l-affarijiet kif inhuma.

Hemm bżonn li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tinbena fuq is-sinċerita’ u d-deċiżjonijiet jitteħdu llum u mhux sentejn oħra.

.

One thought on “Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonniċi jgħid li d-deċiżjonijiet fil-PN iridu jittieħdu llum u mhux sentejn oħra

  1. Dr .naqbel mieghek 100% . Hemm bzonn isir x’ haga ghax kull ma imur il – Partit qied imur l – Lura.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *