Xlukkajr jibgħat ittra miftuħa lill-arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna
Ittra iffirmata minn persuna Demm pur Xlukkajr
Persuna li kienet preżenti għall-quddiesa tal-arċisqof Scicluna tas-Sibt filgħaxija bagħat din l-ittra miftuħa lill-istess arċisqof Charles J. Scicluna. Permezz ta’ dan il-blogg, din il-persuna xtaqet taqsam l-esperjenza u l-uġiegħ tagħha mal-arċisqof u l-qarrejja ta’ dan il-blogg. Din il-persuna qed isostni li dan l-inkwiet kollu ġewwa Marsaxlokk imur għad-deċiżjoni li kienet ittieħdet li jinbidel il-kwadru titulari – deċiżjoni li ttieħdet fi żmien l-arċisqof Scicluna nnifsu u li ġabet qasma fil-parroċċa! Dan hu dak li din il-persuna trid tgħdi lill-arċisqof:
“Għażiż Arċisqof Scicluna,
Naħlef li qatt ma attendejt għas-saġrifiċċju tal-quddiesa MEDJOKRI bħal dak li attendejt għalih lbieraħ t’lura fit-tempju li fih ġejt mgħammed. Jien kont anzjuż, iktar milli kurjuż biex nisma’ x’kien se ikun il-messaġġ ta’ simpatija magħna, min-naħa ta’ min qiegħed imexxi (spiritwalment) id-djoċesi. Jaħasra, il-baħħ kien ikun aħjar minflokok. Aħjar smajt tifel żgħir jitkellem milli lilek. Ma kien hemm xejn ta’ sustanza!
Iktar kont nistenna li tqalleb lura il-ktieb tal-istorja ta’ raħalna, iddur dawra miegħu, u timmedita fuq il-“ĦSARA li saret, meta bl-“ISPERĠESS” (l-aspergillum huwa dak l-istrument li bih jittraxxax l-ilma mbierek) mort titfa’ l-ilma sagru fuq IL-BIDU TAL-ĦSARA U FIRDA f’raħalna li bdiet fit-8 ta’ Mejju 2017. Dak in-nhar traxxax l-ilma tad-diżonesta!
Fr. Luke Seguna nzerta kien il-bniedem li kellu jaffronta l-qasma li seħħet fil-kommunita’ ta’ Marsaxlokk minħabba din id-deċiżjoni. Mingħajr ma ried kellu jidħol fiż-żarbun “JINTEN” li wiret minn ta’ qablu. Sur ARĊISQOF taħseb li ser tbellagħhielna li ma kontx taf?
Issa drajna sew li tgħatti l-affarijiet li tkun ġa taf bihom. Is-Sibt ħaffift u tlaqt, bla ma ltajt magħna. Tajt istruzzjonijiet biex ħadd ma jkellmek ġos-sagristija, tant li tlaqt sparat.
HEKKA ŻAMMEJT MAL-WEGĦDA LI BAGHTILNA MINN ĦAD-DINGLI ġimgħa ilu li kont ser tiltaqa’ magħna!
Ħafna bħali fehmu li ż-żjara kienet FJAKKA U MEDJOKRI. Mela kieku kont tabib u żżur marid li ddaħħal l-emergenza kont tibgħat tgħidlu li sejjer tarah biex tibdilu l-kura. Minflok mort sempliċiment tittawwallu u ma bdejtlu XEJN! Għax hekk kienet mifhuma ż-żjara tiegħek.
Smajtek riċentament issemmi meta SIDI KRISTU qal “JIEN HU IR-RAGĦAJ U INTKOM IL-MERĦLA,” u kompla, ”DAWK LI MA JIEĦDUX ĦSIEB IL-MERĦLA IKUNU RAGĦAJJA MIKRIJIN”.
Int espliċitament għidt, “M’aħniex rgħajja mikrijin”. Imma, ilbieraħ t’lura, ŻĠUR MA KONTX RAGĦAJ TAJJEB, GĦAX L-ANQAS BISS SEMMEJT KIF SER TFEJJAQ LILL-PARROĊĊA. IL-MARDA TA’ FIRDA BDIET FIT-8 TA’ MEJJU 2017 U KIENET ILHA PPJANATA MINN SETTEMBRU TA’ 2014.
U nkompli ngħidlek li ġiet ippjanata fl-uffiċini, fuq ir-riħ ta’ Sa Maison. Hemmhekk bdiet tiċċirkola din l-idea u x’riħa kien hemm!?
Iżjed ħsibt u stennejt ilbieraħ t’lura li int kont ser tidħol fil-maqjel tagħna u tieħu ftit mir-riħa tagħna, bħalma fl-imgħoddi bagħatnilek ir-riħa tradizzjonali tagħna. Ħsibt li kont ser torganizza VELJA TA’ TALB GĦALL-BŻONNIJIET SPIRITWALI TAL-PARROĊĊA GĦAŻIŻA TAGĦNA! Imma ma ġara xejn minn dan.
Infakkrek li inti rrifjutajt xewqa tagħna li konna għamilnielek f’Novembru 2018. Xtaqna laqgħa li xtaqnieha issir f’kamra mill-għexieren ta’ swali li għandek u mhux fuq it-taraġ ta’ fejn taħdem INT u bla ġurnalisti, għax INT taf li l-preokkupazzjoni tagħna hija l-infami att li kien sar meta neħħejtilna l-Wirt Devozzjonali u Patrimonjali ta’ missirijietna u nannietna u cioe’ l-KWADRU TAL-MADONNA TA’ POMPEJ u dan ġab qasma fil-kommunita’ tagħna. Kull ma nista’ ngħid li Fr. Luke kien qed jaħdem biex ifejjaq din il-ġerħa.
Ara inti għandek kwadru mdaqqas fil-kappella fejn tagħmel il-quddiesa fuq XEJK T.V. Int tħobb tikkwota lill-Papa Frangisku. Mela ħalli nfakkrek x’qal lill-poplu etniku fil-pajjiż fejn ”TWELIDT INT, IL-KANADA” F’JUM SANT’ANNA:
“GĦOŻŻUHOM LIN-NANNIET, ĦOBBUHOM U GĦOŻŻU DAK LI JKUNU ĦALLEWLKOM GĦAX LI ĦALLEWLKOM MHUWIEX BI DRITT, IMMA B’SAGRIFIĊĊJU U MĦABBA”.
Mela isma tajjeb. GĦAMEL ĦAŻIN MIN SERQILNA IT-TEŻOR TA’ QALBNA LI KIENU ĦALLEWNA N-NANNIET TAGĦNA? Għax dan hu kliemek stess; “AĦNA QEGĦDIN MHUX BIEX NAMMINISTRAW, IMMA GĦAS-SERVIZZ” . U għax kellna kappillan li pprova jkun ta’ servizz spiċċa kif spiċċa. Int bħala missier kemm kont qed tkun ta’ sapport għal dan l-iben tiegħek? Jew kont qed tara f’Fr. Luke biss, kif qed taraw fil-kappillani, magna li tipproduċi l-flus għall-Kurja? Fuq kollox, int għoġbok tagħlaq il-prietka tiegħek tas-Sibt li għadda b’qawl marbut mal-mewt u l-flus!
Mela min għandu widnejn biex jisma’ u moħħ biex jifhem, ħalli jisma’ u jifhem.
Demm pur Xlukkajr”.
