Ngħid proset lill-membri l-ġodda tal-Partit Nazzjonalista talli qed ikun effettivi

Minn osservatur politiku

Il-membri tal-Parlament il-ġodda min-naħa tal-Partit Nazzjonalista qed jgħallmu lil sħabhom li ilhom hemm qabilhom, kif għandhom imexxu l-affarijiet.

Illum Julie Zahra qed turi kemm hi effettiva. Hija ħarġet tgħid li l-Ministru Owen Bonnici ta’ verżjonijiet kontrastanti għaliex il-bitħa tal-Palazz Vilhena ġiet mogħtija biex saret restaurant. F’isem il-Partit Nazzjonalista, Zahra reġgħet talbet lill-Ministru biex jippubblika l-kuntratt li sar biex fil-Palazz Vilhena jkun hemm restaurant. Dan il-kuntratt sar bejn il-Heritage Malta u operatur privat ta’ restaurant. Hija kompliet tesiġi li Owen Bonnici jrid ikun ċar fl-ispjegazzjoni tiegħu. Zahra trid tkun taf jekk din hux ser tkun l-istrateġija li l-ministru ser ikun qed jimponi fuq Heritage Malta taħt il-pressjoni li qed issir biex jiġġeneraw il-flus.

Julie Zahra ser tkun waħda mill-Membri tal-Parlament żgħażagħ li ser jiftħu t-triq biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir kredibbli flimkien ma’ Darren Carabott ta’ Santa Venera, Alex Borg t’Ghawdex, Ivan Castillo tal-Mellieħa, Rebekah Cilia ta’ Ħaż-Żebbug u oħrajn.

Dawn għażlu li jimxu fuq il-passi ta’ Adrian Delia u Ivan Bartolo tal-Mosta fejn il-priorita’ tagħhom hi li jkunu qrib in-nies u li jitkellmu bħan-nies. Dawn kollha mhux qed jippruvaw jidhru superjuri bħal Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u sħabhom.

Jekk irid il-Partit Nazzjonalista għandu fuq min jibni l-futur. Imma ferm importanti l-Partit Nazzjonalista jrid jagħtihom iċ-ċans.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem ukoll li dawk il-Membri tal-Parlament li n-nies ma ridithomx fil-parlament imma telgħu bi żbrixx, għandhom iwarrbu bil-kwiet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *