Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel strateġija ta’ kif ser jimxi ‘l quddiem: li tniżżel is-suldati qatt ma kellha tkun waħda minnhom.
Minn osservatur politiku
L-elezzjoni ġenerali għaddiet imma ħalliet warajha riperkussjonijiet li wieħed irid jirrifletti fuqhom. Il-Partit Laburista li kellu rebħa komda ħafna wkoll għandu fuq xix jaħseb għax l-astenzjonijiet ma kienux ftit. Imma l-Partit Nazzjonalista li qala’ damdima għandu iżjed fuq xix jirrifletti u x’janalizza. It-telfa kienet kbira u ħalliet marki stampati fuq dak li jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista.
Nispera li qed isir xi tip ta’ eżami tal-kuxjenza fuq ir-riżultat tal-elezzjoni. Hemm ħafna x’wieħed irid jagħti każ, speċjalment fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjoni innifisha. Il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna x’jirrifletti u huwa fid-dmir jara min huma dawk in-nies, speċjalment tesserati, li abbandunaw il-vapur.
Qiegħed iwettaq xi tip ta’ studju biex jara t-tesserament f’hix qiegħed? Il-Partit Nazzjonalista naqqas jew żied it-tesserament? Jekk żdied, li niddubita, jkun tajjeb, imma naħseb li naqqas u naqqas sew. Dan huwa l-perjodu tas-sena fejn l-attivita’ politika tkun kajmana u allura jagħti ċans tajjeb lit-tmexxija biex tippjana l-operat tagħha għaż-żmien li ġej.
It-tesserament huwa wieħed mill-oqsma fejn jinħtieġ ħafna xogħol. Kull nagħġa mitlufa hija telfa kbira għall-partit. Kull nagħġa mitlufa tobbliga lill-partit jfittex ir-raġunijiet għaliex tkun tbegħdet mill-partit. Dan huwa xogħol li jrid isir mingħajr telf ta’ żmien jekk verament il-Partit Nazzjonalista jrid jipprova jirpilja.
Qiegħdin il-kumitati sezzjonali jitħabbtu biex jaraw għaliex xi tesserati naqsu li jkomplu jħallsu t-tessera? Qiegħdin id-deputati jew il-kandidati jippruvaw jiddiskutu ma’ dawk li abbandunaw biex jaraw x’inhuma r-raġunijiet għal dan.
Meta wieħed iqis it-tgergir li kien hawn għal diversi affarijiet li ma kienux qed isiru min-naħa tal-Gvern, wieħed kien jistenna li l-Partit Nazzjonalista kien ser jagħmel xi ftit avvanz. Imma meta tqis ir-riżultat u tara n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista huwa fid-dmir li jevalwa s-sitwazzjoni. Dawk li naqsu li jivvutaw lill-Partit fil-Gvern ma marrux għand il-Partit Nazzjonalista kif mistenni, imma astjenew.
Dan minnu nnifsu huwa messaġġ qawwi għall-Partit Nazzjonalista li għandu jħabbel moħħ it-tmexxija tal-partit. Jidher ċar li l-Partit Laburista mhux għaddej minn xi żmien feliċi. Hawn ħafna tgergir kontra n-nuqqas ta’ azzjonijiet min-naħa tal-Gvern. Imma għalkemm hemm din in-narrattiva, ma jidhirx li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel xi gwadann. U żgur li mhux ser jagħmel pass ‘il quddiem billi jipprova jsolvi l-problema maħluqa minn ftit emigranti billi jniżżel is-suldati fit-toroq!
Għaliex qed jirriżulta dan? Għaliex il-Partit Nazzjonalista staġnat? Għaliex ix-xogħol ‘on the ground’ donnu sparixxa. Kieku ma sparixxi ma joħroġx b’ċertu proposti. Forsi mhux iż-żmien idoneu, imma qed isir xi pjan kif ser jiġu ttakiljati dawn l-affarijiet. Jew qegħdin naqbdu u nfajru?
Waħda mill-affarijiet li l-Partit Nazzjonalista jrid jipprepara huwa kif ser jiġri wara n-nagħaġ il-mitlufa, li mir-riżultat tal-elezzjoni jidhru li huma ħafna. Kif ser jasal għand dawn in-nies? Ser ikompli bid-door to door li tant sar qabel l-elezzjoni? Ser tibqa’ ssir dik id-diskussjoni mal-elettorat biex jifhmu fejn u kif qed jonqsu lill-poplu Malti u Għawdxi?