“Erba’ ħitan u erba’ kaptelli, ħarja f’wiċċ il-flus li kelli”

Dalgħodu tellajt l-aħbar fejn irreferejt għal dak li qal l-Arcisqof Scicluna ilbieraħ waqt l-omelija li għamel fil-quddiesa ta’ filgħaxija ġewwa Marsaxlokk. B’referenza għall-każ ta’ Fr. Luke Seguna, Scicluna qal li bejn “Erba’ ħitan u erba’ Kaptelli” u wara qal lill-kongregazzjoni biex ikompluha huma.

Ċertu Pawlu Piscopo minn Marsaxlokk kiteb li mhux vera l-arċisqof qal dak il-kliem, Pawlu Piscopo qed jgħid li hu kien hemm.

Ġa wieġbitu persuna li kienet hemm u qaltlu li l-arċisqof qal dak il-kliem. Imma jekk Pawlu Piscopo jrid prova ta’ kemm verament l-arċisqof Scicluna qal dak il-kliem, din il-prova tahielu l-istess Scicluna dalgħodu.

Dalgħodu, waqt il-quddiesa fuq it-television, reġa’ semmiegħha din tal-erba’ ħitan u erba’ kaptelli imma din id-darba żied “u beżqa f’wiċċ il-flus li kelli“. Din id-darba sab ħin biex jgħidu kollu dan il-qawl anki jekk biddel ftit u altera l-kelma “ħarja” ma’ “beżqa” għar-raġunijiet ovvji fi proċess li jissejjaħ ewfemiżmu. Infatti biex wieħed jgħid kollox, l-arċisqof stess qal li hemm kelma oħra flok ‘beżqa’ imma qal li ser jiċċensuraha. Jiġifieri l-qawl huwa kif miktub fit-titlu ta’ dan l-artiklu. Kieku ried l-arċisqof seta’ wża proverbju ieħor li jgħid l-istess storja u huwa “għabra u riħ u kull ma għandek trid tħallih!”

Imma qed nieħu din l-opportunita’ biex inġib kumment ta’ Xlukkajr ta’ veru li kien preżenti lbieraħ għal din il-funzjoni. Jekk l-arċisqof irid jagħmel pastorali, jrid jibda jagħmel bħal ma qed jagħmel l-isqof ta’ Għawdex u jmur jiltaqa’ man-nies. F’dan il-każ, jekk Scicluna irid ikun jaf x’inhu verament qed jiġri f’Marsaxlokk, kif qallu Salvinu Caruana, ix-xatt missu mar u tkellem direttament max-Xlukkajri u mhux jiġi bix-xufier għax ma qiegħed jimpressjona lill-ħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *